MINN ĦABIB ĠENWIN … SAR MISSIERNA

Maħbub San Ġużepp, ippermettili, nitolbok tisma’ l-ħsibijiet umli tiegħi, illum, nhar il-Festa tiegħek, fid-dinja … għax żgur li  fil-ġenna qed tgawdi Festa kontinwa.  Nemmen li  Ġesu għadu ubbidjenti lejk u jisma’ minnek kif kien jagħmel f’Nażaret. Għalhekk irrid inġib it-talba tiegħi quddiemek bħala ħabib ġenwin, u aħna se nobduk bħal ma kien jobdik Ġesu. Biss did-darba mhux se nitolbok taqlagħli xi favur, kif kont tagħmel, LE, din id-darba se nħalli ħajjti, il-ħajja ta’ marti, t’uliedi u l-familji tagħhom, kollha kemm huma f’idejk, u nemmen li int se tkellem lil għażiża martek … qabel tressaq dit-talba quddiem Ġesu.

Għażiż Ġużeppi, int l-aqwa missier li qatt eżista, kieku Alla ma kienx  jagħżlek biex tħarislu ‘l ommu u ‘l Ibnu. Għalhekk se nafdak f’kollox. Nemmen li jdejk se jkunu fuqna biex tħarisna u tmexxina. Ibdilna u agħmel minna wlied li nogħġbu lil Alla. Jiena ċert li int se tħarisna kif kont tħares ‘l ibnek Ġesu. Qed niftakar f’dak il-kliem li qallek l-Anġlu: ‘La tibżax tieħu ‘l Marija bħala martek’. Inti ma bżajtx, għax afdajt f’Alla, u  għal Marija int sirt l-egħżeż persuna għal qalbha, wara Binha. Nitolbok kellem li għażiża tiegħek dwar ħajjitna u ssuġerilha li taddottawna bħala l-ulied spiritwali tagħkom, u mhux iżjed bħala ħbieb. Jiena persważ li Marija tgħożżna aktar ma’ qalbha. Naf li kull missier twajjeb ikun jixtieq lil uliedu jħobbu ‘l ommhom.Għamel li nifhmu x’teżor kbir għandna f’Marija bħala ommna.

Bħala missier putattiv ta’ Ġesu int kont tipprovdilu l-ħtiġijiet kollha Tiegħu. Bix-xogħol ta’ jdejk kont titimgħu biex jikber u jissaħħaħ, ipprovdejtlu dar fejn toqogħdu u ħwejjeġ biex jilbes. Fil-ġenna għadek taħdem biex tipprovdi lil dawk li jirrikorru lejk. Nitolbok, tħallina qatt nieqsa mill-ħtiġijiet ta’ kuljum, tar-ruħ u tal-ġisem, u biex napprezzaw li kull ma għandna huwa  kollu rigali ta’ Ibnek.

Meta naħseb fuqek, għażiż Missieri Ġużeppi jiġu f’moħħi dawk il-feriti f’qalbek, ikkaġunati mill-fatt li inti sofrejt b’imħabba kbira, batejt minħabba d-dlamijiet u t-taħwid fil-moħħ, l-aktar meta skoprejt li l-għażiża tiegħek ħarġet tqila. Batejt minħabba s-sagrifiċċju taċ-ċaħda. Ħassejt id-daqqa ta’ stallet f’qalbek meta smajt lil Xmuni jħabbar ‘l Marija dwar il-Passjoni ta’ Ibnek. Min jaf xi stress, x’biżgħa u nċertezza ħassejt meta kellek taħrab lejn l-Eġittu. Min jaf xi  tbatija mentali meta Ibnek ta’ tnax-il sena ma sibtuhx, għal tlett ijiem. U xi ngħidu għall-għafsa ta’qalb meta kont taħseb li ma stajtx tkun mal-maħbuba Marija fl-aktar żminijiet diffiċli, fil-mewt ta’ Ibnek Ġesu.  Nammirawk u nfaħħruk, Missieri Ġużeppi għax kont kapaċi tbati dan kollu fis-servizz t’Alla, flimkien ma ’Ibnek … u dan kollu għas-salvazzjoni tagħna. Għinna, Missier, biex inkunu nistgħu  inbatu bl-imħabba, kif għamilt int. Għinna biex ma ngergrux. Għinna biex it-tbatija u s-slaleb tagħna naċċettawhom bl-imħabba. Taf int, Ġużeppi, li nixtiequ nsiru Qaddisin bħalek, iżda hemm bżonn inkunu safja fir-ruħ u fil-ġisem. Ħarisna, mexxina int, l-aktar fis-safa tal-ġisem, mexxilna għajnejja int, iddefendina fit-tentazzjonijiet. Int għext fis-safa ma’ Marija waqt li tgħaxxaqt bl-isbuħija u t-tjieba tagħha.Għinna naraw  is-sbuħija f’ħaddieħor bl-għajnejn safja tiegħek u b’moħħok. Agħmel li kull ma nagħmlu ma jkunx biex nogħġbu, jew nissudisfaw lilna nfusna, iżda biex nogħġbu ‘l Alla. Dan huwa ibnek li qed jitolbok, għan-nom tal-familja. Nitolbok li bejni u bejn marti ma jidħol ħadd, ħlief Kristu, biex inkunu nixbħu lilek u l-għażiża martek.

L-Iskrittura ma tgħidilna xejn dwar il-ferħ u l-kuntentizza tiegħek. Iżda kif stajt ma tkunx ferħan meta kont qed taqsam ħajjtek ma’ Marija u ma’ Ibnek Ġesu.  U min jaf x’paċi kellek f’qalbek. Agħtina din il-grazzja li ngħixu dejjem fil-preżenza ta’ Ġesu u ta’ Marija biex insibu l-ferħ u l-paċi f’qalbna. Missiena Ġużeppi, aħna nafu li se mmutu. Nitolbuk li dak il-mument tkun ħdejjna biex twassalna ħdejn Ibnek Ġesu u niltaqgħu mal-maħbuba ommna Marija. Bl-għajnuna tiegħek nittamaw li ma nibżgħux minn dak il-mument. Qed inħejju lilna nfusna b’ħajjitna u bi’twemmina f’Ibnek, f’martek u fik. Kemm se nifirħu meta niltaqgħu magħkom wiċċ’imbwiċċ fil-ġenna.

DIKJARAZZJONI:                                                                                                                                                                                                                                                

Quddiem Alla, fil-preżenza tal-għarusa Mmakulata tiegħek, Marija, jien, Tony, għan-nom ta’ marti, Vivienne, uliedi u l-familji tagħhom nikkonsagra lili nnifsi lilek bħala l-Missier spiritwali tagħna, formalment, għal dejjem, illum nhar il-Festa tiegħek. Aħna nemmnu fik, nafdawk u rridu li nkunu wlied spiritwali tiegħek. B’hekk qed nagħtik kull permess li tieħu f’idejk ħajjitna u tmexxihom kif trid int. Dan qed nitolbu f’isem Ġesu Kristu, għall-Glorja t’Alla. Ammen.

Nhar il-Festa ta’ S.Ġużepp, 19 ta’ Marzu,

Tony Mahoney ofs