IS-SIĠRA

Kien hemm wieħed li kull ma kellu fl-għalqa tiegħu, kienet siġra waħda biss. Isem dal-bidwi kien Immanu’el, ghax kien Lhudi. Din is-siġra kienet tispikka fost il-ħafna siġar fl-għelieqi kbar tal-bdiewa l-oħra.  Iżda din ma kenitx siġra bħas-siġar l-oħra. Kulħadd kien jinġabar madwarha, kemm bnedmin u kemm annimali u agħsafar ta’ kull xorta. Kienet tagħti frott ta’ kull għamla, matul is-sena kollha. U l-weraq tagħha kienu ħaġa tal-meravilja; għax kienu duwa, mediċina għal kull tip ta’ marda. Dan l-individwu kien jintasab ta’ kuljum taħt is-siġra u jitkellem mal-ħafna nies li kienu jinġabru madwaru. Kien jitkellem kliem ta’ siwi, ta’ għerf, ta’ kuraġġ u ta’ mħabba.

Folol kbar kienu jinġabru ta’ kuljum. Kont tisma’ leħnu biss, u dejjem b’ċerta ħlewwa. Leħnu kien qiesu qanpiena ta’ xi kappella ċkejkna, f’nofs il-kampanja, fi nżul ix-xemx, waqt id-daqq tal-Ave Marija, fis-skiet taqtgħu b’sikkina. Iżda mis-siġra kienet tinstema’ wkoll għana ħelwa minn dawk l-agħsafar differenti. Bejniethom kienu joħolqu armonija li sserraħ il-moħħ u l-qalb. Min kien imur darba pront kien jintebaħ li hemm, taħt dik is-siġra, ma’ dak Immanu’el, kien post tas-seħer, rokna fejn issib il-paċi tal-qalb u serħan il-moħħ. Kien hemm min jgħaddi l-lejl taħt is-siġra, għax qalbu kienet tistrieħ mill-problemi tal-ħajja. U l-għada, wara li jitkellem u jiftaħ qalbu ma’ Immanu’el, iħossu qiesu twieled mill-ġdid.

Il-bdiewa tal-madwar kienu jgħidu li din kienet siġra misħuta għax it-tradizzjoni taghhom kienet tgħid li dik kienet is-siġra li Eva qatgħet minnha t-tuffieħa u li permezz tagħha sar id-dnub. Kemm xtaqu li jistgħu jeqirduha, iżda dejjem beżgħu minn xi saħta. Minħabba l-popolarita li beda jgawdi sid is-siġra, trabbiet għira kontra tiegħu.

L-għira, kif jgħidu, hija oħt il-ġenn. Dawn ftihemu bejniethom li jmorru  u jqaċċtu l-friegħi kollha ta’ din is-siġra, biex ma tagħthix aktar frott. U hekk għamlu. Kull ma fadal mis-siġra kien iz-zokk wieħed prinċipali, wieqaf dritt, dritt. B’dana kollu l-agħsafar xorta baqgħu jinġabru  u jduru u jgħannu ma’ dan iz-zokk. U n-nies xorta baqgħu imorru għax il-paċi u s-serħan tal-qalb xorta baqgħet hemm … l-aktar fid-diskors ħelu u ta’ kuraġġ tal-Lhudi, Immanu’el.

Kemm ippruvaw il-bdiewa l-oħra biex forsi jkollhom xi siġra bħal dik li qerdu; ħammlu l-ħamrija  madwar is-siġar tagħhom, tawhom is-sustanzi, il-ħadid, xerrdu d-demel; minn kollox ippruvaw. Meta ma rnexxilhom jagħmlu xejn, iltaqgħu u ħadu deċiżżjoni. Ix-xitan daħal f’qalbhom u ddeċidew li jeqirdu, mhux is-siġra …  iżda lil Immanu’el. Qabduh, rabtuh ma’ zokk li kienu qatgħu, u sallbuh maz-zokk wieqaf li kienu ħallew mis-siġra li kienu qatgħulha l-friegħi. Dak il-ħin faqqgħet maltempata. In-natura donnha pprotestat. U dak il-Lhudi, Immanu’el, kien mislub għax għamel il-ġid, minħabba l-għira tal-bnedmin ħutu. Mal-mewt inġabru eluf ta’ agħsafar, ta’ kull għamla, jduru f’ċirku madwar il-mislub u jgħannu għanja ta’ dieqa. L-annimali wkoll resqu, jingħu u juru s-sobgħa tagħhom bl-inbieh u l-għajjat tagħhom. L-annimal ma jistax jitkellem, iżda bl-imġieba tiegħu juri li kien iddżappuntat u ddispjaċut. Ma kienx jonqos li n-nies li kienu jafuh, u oħrajn li semgħu dwaru resqu bi’ kwantita li ma tingħadx.

Dan kollu seħħ għax dik is-siġra kienet is-‘Siġra tal-Ħajja’. Ma nafx x’qalu l-bdiewa l-oħra, u ma nafx x’qed jgħidu llum. Li naf żgur hu li min ried isib il-paċi u s-serħan tal-moħħ kien jersaq lejn is-‘Siġra tal-Ħajja’. U hekk għadna sallum. Il-ħajja, l-imħabba, il-paċi u s-serħan fil-qalb jinsabu biss fi- ‘Siġra tal-Ħajja’ li fuqha kien issagrifikat Immanu’el. Kellhom raġun il-bdiewa. Dik is-siġra li biha daħal id-dnub, saret is-siġra li salvat ‘l-umanita.

Tony Mahoney ofs