NAĦSBU X’NAĦSBU FUQNA NFUSNA, AĦNA KOLLHA PARTI MILL–PJAN DIVIN T’ALLA

Dan li qed nikteb, mhux patrijotiżmu, għax jiena Mahoney kunjom Irlandiż, li jfisser ‘vażett għasel’. Niżżi ħajr lill-antenati li tawni dan l-isem, li oriġina ġewwa Cork, l-Irlanda t’isfel. Se nikteb fuq għanja li hija  ‘Barka Irlandiża’, bl- Ingliż, ‘An Irish Blessing’, mużika sabiħa, iżda għandha l-kliem (lyrics), li ħaqqhom ikunu fil-Vanġelu. Fi kliemi din hija l-Barka:

“Jalla t-triq tilqgħek b’dirgħajha miftugħha.                    

Jalla r-riħ jonfoħ dejjem minn warajk.                                                     

Jalla d-dawl tax-xemx isaħħanlek wiċċek.                                                     

U jalla x-xita tinżel bil-kwiet fuq l-egħlieqi tiegħek.                                                    

Jalla sa’ kemm nerġgħu niltaqgħu, il-Mulej Alla jżommok b’għożża f’idejH.”

Ir-referenza għar-riħ jgħidu li tfisser dak ir-riħ qawwi tal-iSpirtu S-Santu, li nefaħ nhar Pentekoste. Id-dawl tax-xemx jirreferi għal-Luqa 1: 78, li tfisser il-ħniena t’Alla, għax ix-xemx tintbagħat mis-sema. Ix-xita hija referenza għall-Provvidenza t’Alla, għaliex xejn ma jikber mingħajrha, speċjalent f’postijiet agrikoli bħall-Irlanda. Bil-lingwa Irlandiża, il-Gaelic, l-oriġinal jgħid: ‘Jalla tirnexxi matul it-triq.’ Speċi ta’ ‘Bon Voyage’ jew ‘Buon Viaggio’.

Dawn huma kollha ħsIebijiet, u xewqat sbieħ  kif spjegat tajjeb ħafna Roma Downey fis-CD tagħha li jismu ‘Healing Angel’. Roma tawgura li qalbna tixgħel bħal ħuġġieġa li nqabbdu biex nilqgħu ‘l vjaġġaturi u l-ħbieb; jalla dak id-dawl tal-Mulej, jiddi f’għajnejna bħal xemgħa f’tieqa biex nilqgħu il-barranin; jalla l-barka tal-Mulej taqa’ fuqna bħal xita ħafifa li tinżel bil-ġentilezza fuq rasna biex tiffriska lir-ruħna bil-ħlewwa ta’fjuri  li qed jikbru; jalla l-irjieħat jonfħu biex jaħslulna ‘l ruħna li mbagħad tibda tiddi bl-indafa. Jalla jkollna xi kelma tajba, u ta’ sabar ma kull min niltaqgħu, u jalla nifhmu il-qilla u l-qawwa t’Alla f’kull maltempata bir-ragħad u s-sajjetti, u napprezzaw is-sbuħija tal-ħolqien f’inżul jew tlugħ ix-xemx.

U fuq kollox, jalla nifhmu, u nemmnu, li naħsbu x’naħsbu fuqna nfusna, aħna kollna kemm aħna, parti  mill-Pjan Divin t’Alla. Aħna parti mportanti f’dak il-Pjan. Jalla l-Mulej jibqa’ iħarisna minn kull ħsara u deni.

Tony Mahoney ofs