IL-MINESTRA U L-MADONNA
Ma nagħtikomx tort li tgħidu, ‘xgħandha x’taqsam il-Madonna mal-minestra?’ Nimmaġina li Marija kienet issajjar xi tip ta’ kawlata, jew minestra bil-ħaxix. Iżda l-ħsieb tiegħi jmur ‘l bogħod aktar mill-minestra. Insaqsi mistoqsija, li forsi ġieli għaddiet minn moħħkom: Huwa sewwa li nitlob waqt li qed insajjar? Waqt li nkun passiġġata? Waqt li qed ninħasel, jew nagħmel xogħol ieħor? Jew waqt li qed insuq? Se nikkwota x’kien jagħmel il-Ven. Fulton Sheen. Fulton kien ordna, apposta, biex ilibbsu fuq l-isteering wheel tal-karozza, cover tal-ġilda b’ħamsin boċċa. Għaliex ħamsin? Biex huwa u jsuq jkun jista’ jgħid ir-Rużarju fuq dawn il-boċċi … allura ħames posti. Nafu kemm irridu noqogħdu attenti fis-sewqan, iżda xorta kien jitlob, għax kien jemmen li Marija tgħinu. U wkoll waqt li qed iqaxxar il-leħja, kien jitlob.
Forsi jkun hawn min isaqsi: Għaliex ma jħallix ħin biex jitlob biss, u mhux waqt li qed jagħmel ħaġ’oħra? Għal kull mistoqsija teżisti tweġiba. Ħa nfakkar xi ħaġa lill-miżżewwġin: meta kontu namrati ma’ żwieġkom, jew martkom, kontu taħsbu fuq il-‘maħbub/a’ tagħkom f’ħin partikulari BISS, matul il-jum, u mhux aktar? Jew, jekk intom normali, kontu taħsbu fuq il-maħbub/a kontinwament … waqt l-ikel, fuq ix-xogħol, qabel torqdu, waqt li qed tqaxxru l-leħja (irġiel biss), intom u tippreparaw il-minestra (nisa u rġiel) … u f’kull ħin tal-ġurnata. Lil min tħobb, bis-serjeta, huwa/hija dejjem f’moħħok. X’hemm ħażin li waqt li qed taħsel l-art isejjah isem Marija, jew Ġesu, inti w’tiela’ jew nieżel it-taraġ, jew fil-lift, waqt li qed tixxotta l-platti, waqt li qed tagħmel i-sodda, f’kelma waħda kull ħin u f’kull mument. L-irħieb (l-eremiti) tad-deżert, jgħidulna biex nitolbu, jew insemmu l-isem t’Alla ma’ kull nifs li nieħdu, u wkoll ma’ kull nifs li noħorġu. Dawn kollha kienu erwieħ twajba. Għalina li qed ngħixu f’dinja mgħaġġla, sfortunatament, mhuwiex il-każ li nimitaw ‘l dawn l-eremit twajba.
It-tieni mistoqsija; tiftakru kemm tkarrabtu mal-maħbub/a tagħkom biex tagħtikom jew jagħtikom ritratt, jew xi nokkla xagħar? Kemm hawn fostna li jżommu fuqhom stampa, santa tal-maħbuba Marija … jekk hija żgur il-maħbuba tiegħek. Kemm hawn li għandhom id-dar xi statwa sabiħa u kbira ta’ Marija, imżejna u esposta fejn jaraha kull min jidħol id-dar? ‘Is-siġra tingħaraf mill-frott tagħha’ qalilna Kristu. Bil-paroli ngħidu ħafna xorti, huma l-fatti li jgħoddu. Kemm huwa mportanti li nżommu kuntatt ħaj ma’ Ommna Marija, jew ma’ Binha Ġesu. Noffru kull taħbita tal-qalb ‘l Alla jew ‘l Ommna Marija … u noffruha għall-erwieh tal-Purgatorju, għall-moribondi; għan-nies vittmi tal gwerra; għall-konverżjoni ta’ Putin, għaliex LE?; għan-nisa le se jagħmlu abort; għall-morda … Il-lista hija twila. Tkun tixtieq li l-ġurnata jkollha aktar minn 24 siegħa biex titlob għal tant ħutna li għandhom bżonn. Iva, ‘l Madonna tista’ tkellimha waqt li qed tagħmel il-minestra.
Tony Mahoney ofs
0 Comments