Fi zmien ftit granet ohra, il-Knisja tfakkar u ticcelebra avveniment li bidel l-istorja tat-Twemmin Nisrani fl-ewwel zmienijiet, ftit snin biss wara l-Qawmien mill-Mewt  tal-Mulej Gesu.

Fil-25 ta’ Jannar, nfakkru l-Konverzjoni ta’ L-Appostlu Missierna San Pawl. (Atti 9, 22-26) Fil-lingwa Maltija, il-kelma ‘konverzjoni’ tpoggina fuq linja ta’ hsieb li ma japplika xejn ghall-esperjenza vera li kellu Pawlu fit-triq lejn Damasku.

X’kienet fil-verita din il-konverzjoni ta’ Pawlu?

Ma kienetx konverzjoni ta’ ndiema bhalma kienet tal-Madalena u tal-Halliel it-Tajjeb. Lanqas ma kienet konverzjoni ta’ soghba fid-dmugh ta’ Pietru wara t-tradiment tieghu ta’ l-Imghallem.

Pawlu ma kienx ragel hazin li kkonverta ghal hajja tajba.

Bhala Farizej konvint, kien gharef fl-Iskrittura (dak li llum hu meqjus bhala T-Testment il-Qadim), difensur tat-Tradizzjonijiet tal-Ligi Lhudija. Kien ihobb ‘l Alla u l-Ligi. Dan it-twemmin sod tieghu wasslu biex jara dan il-Mastrudaxxa minn Nazaret, li kien mislub bhala kriminal u li qalu li qam mill-imwiet, bhala ghadu li kien se jifred u jeqred dak kollu li kien jemmen fih hu! Is-segwaci ta’ dan Gesu, ghalih kienu ghedewwa u tradituri.

L-iskop ta’ Pawlu kien li jipprotegi u jsahhah il-Ligi t’Alla kif inghatat lil Mose u giet ippreservata matul iz-zmienijiet.
Sakemm . . .  Il-Mulej Gesu intervjena fil-hajja tieghu.

Il-Konverzjoni ta’ Pawlu kienet trasformazzjoni, bidla shiha fil-mohh u fil-qalb, wara l-laqgha personali tieghu mal-Mulej. L-energija u d-determinazzjoni tieghu, il-Mulej ried lil Pawlu juzhom biex iwassal il-Bxara t-Tajba lil Gnus. U din il-bidla fundamentali f’Pawlu, wasslet biex it-Twemmin Nisrani zviluppa u nfirex ‘il boghod mic-crieki tal-Ligi Lhudija, ghal pagani. . . . u Pawlu sar l-Appostlu tal-Gnus mhux biss ghal dawk ta’ zmienu imma wkoll ghaz-zmienijiet tal-lum permezz tal-wirt li hallielna fil-kitbiet tieghu.
Il-konverzjoni ta’ Pawlu wasslitu biex hu bidel il-valuri kollha li kien ihaddan, il-vizjoni ta’ hajtu, dak kollu li kien jiftahar bih. Dan kollu rah bhala ‘knis’ ( Filippin 3,7-9), ghaliex il-laqgha tieghu ma’ Gesu wasslitu jara kollox f’dawl gdid.
Din ghandha tkun il-konverzjoni ta’ kull Nisrani. Ahna ma nitwieldux Insara, imma rridu nsiru Nsara! Alla wkoll jintervjeni fil-hajja taghna minkejja li ahna dghajfin u ghaljenati, biex iwassalna ghal konverzjoni, li tista tigi biss meta ahna ma nibqghux nserrhu rasna biss fuq ritwali spiritwali. Dawn ghandhom iwassluna biex insiru nafu lil Mulej aktar mill-qrib u mhux biss insiru nafu fuqu.
Bhal fil-grajja ta’ Pawlu, Alla jista jintervjeni dirett fil-hajja taghna f’mument qawwi ta’ gharfien jew permezz ta’ persuni ohra li jwasslulna dwal godda fil-mixja taghna fil-process ta’ konverzjoni, process fejn ir-rieda taghna tigi maghguna mar-rieda t’Alla. Dan il-process ta’ konverzjoni irid ikompli jinbena jum wara l-iehor, matul il-hajja taghna kollha, sakemm niltaqghu mal-Mulej.
Imma ahna hemm bzonn li nkunu disponibbli ghal dawn is-sejhat. Pawlu laqa’ s-sejha tal-Mulej meta kien imnezza minn kull kburija, mwaqqa’ minn fuq iz-ziemel, u halla dawl gdid jiddi f’hajtu, dawl li wasslu biex emmen li Gesu hu l-Mulej li verament qam mill-mewt.
Din il-mixja ta’ konverzjoni, tista biss issehh, jekk ahna nkunu lesti niehdu doza qawwija ta’ umilta. Irridu ninzlu (jew naqghu!) minn fuq iz-‘ziemel’ tas-suppervja taghna, dak l’ego’ li npoggi lili nnifsi l-aqwa fuq kulhadd, dak iz-‘ziemel’ tas-suppervja, egoizmu, poter, flus, success.
Hekk biss nistghu nkunu disponibbli biex l-Ispirtu s-Santu jahdem fina. Hekk nkunu denji li nhaddnu u nghixu dik il-Fidi li San Pawl hallielna fil- Gzira taghna u denji li nsejhulu: Missierna San Pawl sahhah fina l-Fidi!
Il- Mulej iberikna, Ommna Marija tipprotegina, San Guzepp u San Frangisk iwensuna.

Pauline Darmanin OFS