Il-Festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem

Il-Festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem, iċċelebrata nhar il-Ħadd li għadda fl-1 ta’ Mejju, twaqqfet
mill-Papa Piju XII fl-1955 biex nonoraw lil San Ġużepp u biex niċċelebraw l-impenn tal-Knisja
Kattolika għad-dinjità tax-xogħol. Id-data tagħha ntgħażlet biex tagħti sinifikat Nisrani lill-
Ewwel ta’ Mejju, jum iddedikat lill-ħaddiema kollha. Din il-festa tenfasizza d-dinjità tal-
ħaddiem kif ukoll li x-xogħol huwa parti ċentrali tal-ħajja umana.
Fi żmienna, meta ħafna drabi jidher li l-egoiżmu u s-suppervja jsaltnu suprem fis-soċjetà, il-
festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem hija meħtieġa issa aktar minn qatt qabel. F’din il-festa
nagħrfu d-dinjità tax-xogħol, l-umiltà kbira li x-xogħol jista’ jgħallimna, u l-mod kif dan jista’
jqarrebna lejn Alla. Min, jekk mhux San Ġużepp, il-bniedem li għallem lil Kristu kif jaħdem,

jista’ jgħallimna li flimkien ma’Alla nistgħu nibnu dinja aħjar?
San Ġużepp huwa magħruf għas-skiet tiegħu iżda s-skiet tiegħu mhuwiex passiv. Fis-skiet
tiegħu San Ġużepp kien qed jisma’ lil Alla b’mod attiv.
1. San Ġużepp kien qed jistrieħ fil-paċi meta l-anġlu deherlu f’ħolma. Aħna kapaċi nħallu
lilna nfusna nistrieħu fil-paċi f’idejn Alla sabiex inkunu nistgħu nisimgħu leħen Alla f’ħajjitna?
2. San Ġużepp kien ukoll bniedem ta’ azzjoni, lest jagħmel dak li Alla talab minnu. Aħna
msejħin ukoll biex inkunu nies ta’ azzjoni. X’azzjonijiet nistgħu nieħdu f’ħajjitna biex
nagħmlu r-rieda t’Alla, biex inwasslu l-kelma tiegħu lil ħaddieħor?
3. San Ġużepp jista’ jgħinna nersqu eqreb lejn Alla billi inwarrbu l-affarijiet f’ħajjitna li
mhumiex ta’ għajnuna għas-salvazzjoni tagħna, dawk li jfixkluna fit-triq tagħna lejn l-
eternità. X’ nistgħu nistaqsu lil San Ġużepp biex jgħinna niksbu dan?
Hekk kif għadna kemm iċċelebrajna l-Festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem, ejjew niftakru fl-umiltà
u l-ubbidjenza tiegħu lejn Alla u nitolbu: Missier Etern, agħtina x-xogħol, anki dak volontarju,
biex inkunu nistgħu naqsmu t-talenti tagħna ma’oħrajn u nkunu nafu d-dinjità u s-
sodisfazzjon li inti tagħtina permezz tal-isforzi u x-xogħol tagħna. Agħtina l-paċenzja u l-
imħabba lejn il-bnedmin kollha. Iftaħ bibien biex inkunu nistgħu nxandru l-kelma tiegħek u
agħtina l-għerf biex inkunu xhieda ħajja tiegħek. Żomm lill-familji tagħna taħt il-ħarsien tal-
imħabba Ħanina tiegħek, u ħu ħsieb il-bżonnijiet kollha tagħna. Amen

Paci u Sliem
Mariella Spiteri Gonzi ofs