GħANDNA BZONNOK!

Għeżież Huti Franġiskani,


Ix-xewqa t’ Alla hi mnaqqxa f’qalb il-bniedem, għax il-bniedem inħalaq minn Alla u għal Alla. Alla ma jieqaf qatt jiġbed il-bniedem lejh, u f’Alla biss il-bniedem isib il-verita u l-hena li qatt ma jieqaf ifittex. Il-verita, l-onesta u l-imħabba l-bniedem jipretendihom u jfittixhom f’dawk ta’ madwaru, bħal ġenituri, fl-aħwa, l-għalliema, l-ħbieb, is-sacerdot, u l-politikanti, imma meta jiġi tradut minnhom il-bniedem jimtela bir-rabja, bil-mibeghda u l-vendetta u flok jirrikorri lejn Alla, jwarrbu u jinsih.
Jinsa li l-għola aspett tad-dinja tal-bniedem hi s-sejħa tal-bniedem għall-ghaqda ma’ Alla.
Jinsa l-istedina ta’ Alla lill-bniedem biex jitkellem miegħu, stedina, li bdiet mal-ħolqien tal-bniedem. Il-bniedem jeżisti, għax Alla ħalqu b’imħabba u għax iħobbu ma jieqaf qatt żommu ħaj. Il-bniedem ma jgħix ħajja sħiħa skond il-verita’ jekk minn rajh, b’mod ħieles, ma jagħrafx din l-imħabba u jintelaq kollu kemm hu f’idejn min ħalqu. Il-Mulej lil Santa Fawstina qalilha; . “La tħalli xejn ibegħdek minni lanqas fil-waqgħat tieghek. La tibżax, jiena qiegħed dejjem miegħek”. Kif il-bniedem tradut jista’ jifhem li għandu jafda lil Alla, dan Alla li hu qatt ma ra u qatt ma kellem; la darba dawk ta’ madwaru li wegħduh il-ħafna u fihom kellu fiducja daħqu bih?

Hawn il-bniedem jibda jimxi fuq dak li tigħdlu d-dagħdigħa ta’ moħħu, li għalih hija l-kuxjenza. Iżda jekk il-kuxjenza ma tkunx matura u mrawma f’sentimenti posittivi, tagħtik dak biss li int trid tisma’ u tispicca tbati il-konsegwenzi. Hekk ġralu il-poplu ta’ Israel, meta tilef l-fidi f’Alla li għad jasal fl-art imweghda, warrab lil Alla biex iqimu l-għoġol tad-deheb.
Għax hekk qaltlu il-kuxjenża.
Meta persuna tiddecidi li tiftah negozju titlob il-parir ta’ espert tal-fiducja tagħha biex tmexxiha fit-triq it-tajba. Meta t-tifel kien saqsini; “jekk inkun ser nagħmel xi ħaġa kif inkun naf li hija ħaġa tajba jew ħażina?” “Semplici”, kont għedtlu, “saqsi lilek innifek il-mistoqsija; jekk qed jarawni il-ġenituri, nagħmilha?” Mela kemm tkun aktar f’lokha kieku nsaqsu lilna nfusna l-mistoqsija; “Jekk qed jarani l-Mulej Alla, nagħmilha?” “Mulej tiegħi jiena għandi bżonnok”. Hekk kien jgħidlu San Gorg Preca lill-Mulej.

Għax il-Mulej huwa “Kbir fit-tjieba u l-fedelta” (Eż. 34’6) Dawn iż-żewġ kelmiet juru fil-qosor l-għan kollu tal-Isem ta’ Alla. Fl-għemil kollu tiegħu Alla juri l-ħlewwa tiegħu, it-tieba tiegħu, l-grazzja tiegħu, l-imħabba tiegħu u juri wkoll il-lealta’ tiegħu, il-qawwa tal-qalb tiegħu, il-fedelta u l-verita tiegħu. “Inroddlok ħajr għat-tieba u l fedelta’ tiegħek” (Salm 138,2) Hu l-Verita’ għax “Alla hu Dawl u ebda dlam ma hemm fih” ( 1 Ġw 1,5) l-Appostlu San Ġwann jgħidilna, “Alla hu Mħabba” . Għalhekk Santa Fawstina lil Mulej kienet tgħidlu “Ġesu’ jiena nafda fik”.
San Bonaventura jfissrilna li “d-dinja nħalqet għall glorja ta’ Alla u Alla ħalaq kollox, mhux biex ikattar il-glorja tiegħu imma biex juri l-glorja tiegħu u biex jagħtiha”. Alla m’għandux raġuni biex joħloq ħlief l-imħabba u t-tieba tiegħu. “Alla wriena l-imħabba tiegħu meta Kristu miet għalina, aħna, li konna għadna midimbin” U għalhekk għandna bżonnu.
Joe Gatt OFS