IL-KNISJA – TIXBIHAT BIBBLIĊI

Il-Knisja għandha storja ta’ elfejn sena li matul iż-żmien biddlet ħafna il-mod ta’ kif taħsibha. Din il-Knisja għandha tinftiehem f’rabta mal-esperjenza ta’ fidi u mal-mixja li kellu l-poplu ta’ Israel fl-Eżodu, fl-Antik Testment. Għaddiet mill-istess tiġrib li għadda minnu l-poplu Lhudi.

Il-bidu tal-Knisja jmur ħafna aktar lura miż-żmien ta’ Kristu. Wiehed isib xbiha tagħha fl-Antik Testment, fil-wegħda tas-salvazzjoni li Alla għamel lill-bniedem li tbiegħed minnU u fis-sejħa ta’ Abram, li minnu Alla wiegħed li joħroġ ġens għalih, il-poplu ġdid ta’ Alla, flimkien ma’ ħolqien ġdid. Kien hemm żmien meta l-Knisja kienet mqabbla ma’ l-arka ta’ Noe` – min hu gewwa jsalva min hu barra ma jsalvax. Kienet komuni l-espressjoni ta’ San Ċiprijanu ‘extra ecclesiam nulla salus’ (barra mill-Knisja ma hemmx salvazzjoni). Bi Knisja S. Ċiprijanu irrefera għal dawk li ħarġu mill-Knisja minħabba l-ereżija, li kienet komuni ħafna fl-ewwel żminijet tal-Knisja.

Rita Vella BrincatMill-ewwel predikazzjoni tal-Appostli bdew isiru l-ewwel konverżjonijiet għall-Kristjaneżmu mill-Ġudajiżmu. Bis-saħħa t’hekk, bdew jiffurmaw kommunitajiet ħajjin li baqgħu jikbru fir-rabta tagħhom ma’ Kristu. Dawn il-kommunitajiet baqgħu jikbru bil-punt ċentrali tagħhom jkun il-Qawmien ta’ Kristu mill-mewt u l-Evanġeliżżazzjoni. L-awturi tat-Testment il-Ġdid dejjem irreferew għall-Knisja bħala l-Ġisem Ħaj ta’ Kristu u t-Tempju tal-Ispirtu s-Santu. San Pawl stess jgħid li l-Knisja hija l-Ġisem ta’ Kristu: “Intom il-Ġisem ta’ Kristu, u kull wieħed biċċa minnu.”

San Pawl jgħidilna wkoll li aħna għandna nħossu li qegħdin ngħixu f’ġisem wieħed għaliex ilkoll kemm aħna nieħdu sehem minn ġisem wieħed, li hu l-ġisem ta’ Kristu fl-Ewkaristija “għax la l-ħobża hi waħda, aħna li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed; ilkoll kemm aħna nieħdu sehem minn ħobża waħda”. Meta aħna l-Insara ħaddanna l-Knisja, ilkoll sirna ġisem wieħed li tiegħu Kristu hu r-Ras. Bil-qawmien tiegħu, Gesù Kristu sar is-sid tal-bnedmin kollha, b’mod speċjali r-ras ta’ dawk kollha li jemmnu fih – ir-Ras tal-Knisja għax “qiegħed kollox taħt riġlejh, u għamlu Ras fuq il-Knisja kollha, li hi Ġismu, il-milja ta’ dak li jimla kollox f’kollox.” Ir-rabta ta’ dawk li jemmnu fih u Alla ssir
ħajja.

Ta’ min wieħed isemmi li fl-Antik Testment, is-saċerdot, li l-ministeru tiegħu kien jintiret, kien joffri s-sagrifiċċji tal-poplu fit-Tempju. Hu biss kellu aċċess “dirett” ma’ Alla – kien ir-rappreżentant tal-poplu. Illum, minn wara l-Konċliju Vatikan II, il-poplu għandu aċċess “dirett” ma’ Alla. Dan huwa saċerdozju ġdid għan-Nisrani għax huwa mgħammed ikkonsagrat.

F’din il-Knisja li bdiet tifforma, kulħadd kellu x-xogħol u s-sehem tiegħu x’jagħmel u x’jagħti. Kollox kien siewi għax kulħadd kien mgħammed bl-istess Spirtu li jgħammar fina lkoll għall-bini tal-istess Ġisem. San Pawl, fl-ittri tiegħu lir-Rumani u lill-Korintin jiddeskrivi l-Knisja bħala l-Ġisem ta’ Kristu – ġisem ħaj b’ħafna membri li kollha jaqdu l-funzjoni tagħhom għall-ħajja tal-ġisem sħiħ.

Fil-Medju Evu, Martin Luteru attakka l-Papat, li għal dak iż-żmien kien kollox. Ma riedx jaċċetta t-tagħlim li l-Knisja hija magħmula mill-Papat, kif dejjem kien maħsub, għax emmen li mhux il-ġerarkija u s-saċerdoti biss huma l-Knisja, imma hemm ukoll is-saċerdozju tal-imgħammdin – il-Lajċi. Luteru sahaq li l-Knisja hija l-poplu t’Alla – Knisja magħmula minn kulħadd. U kellu raġun!

It-tixbiha ta’ Knisja bħala Ġisem Mistiku ta’ Kristu reġgħet bdiet tintuża ħafna fiż-żmien meta kien hemm battalja sħiħa kontra l-fidi u t-twemmin bil-Moderniżmu. Din it-tixbiha tpoġġi fid-dieher l-għaqda ta’ dawk li jemmnu, l-oriġini divin tal-kommunità ekklesjali u r-rabta bejn il-Knisja u l-mewt u l-qawmien ta’ Kristu, li jibqa’ ħaj fl-Istorja tal-bniedem permezz tal-istess Knisja. Permezz ta’ din it-tixbiha wkoll, li sserrah fuq ideja tal-Knisja bħala Ġisem organiku, it-teologija ta’ qabel il-Konċilju Vatikan II tiżviluppa wkoll l- aspett ġuridiku tal-Knisja li trid tagħti ordni lill-istess ħajja tagħha permess ta’ liġijiet kemm fl-intern tagħha kif ukoll fir-relazzjoni tagħha mad-dinja esterna.

Il-Konċilju Vatikan I ġie fil-qalba ta’ din il-battalja, f’nofs is-seklu dsatax. Il-filosofi li qamu f’dan iż-żmien, fosthom Karl Marx, attakkaw ħafna l-Kristjanezmu. Kien hawn li tfaċċaw tlett kolonni kbar fil-Knisja, li ħadmu ħafna biex din il-Knisja tiġġedded u titranġa. Dawn kienu Antonio Rosmini Serbati – filosfu u teologu Taljan, John Henry Newman – teologu Ingliż u Johann Mohler – teologu Ġermaniż li kien minn ta’ quddiem biex inbeda l-Moviment Ekumeniku. L-idejat ta’ Mohler jidhru ħafna fl-Enċiklika ta’ Papa Ljun XIII ‘Immortale Dei’ fuq l-ideja ta’ Knisja. Mohler jispikka wkoll fit-tagħlim ta’ Papa Piju XI u Papa Piju XII fuq il-Ġisem Mistiku.

Fis-seklu dsatax, kien hemm taqlib enormi, l-aktar bir-Rivoluzzjoni Industrijali, li ġabet magħha bidla kbira fis-soċjetà. Sar il-Konċilju Vatikan I u fih saret emfazi kbira fuq il- Papat u l-ideja ta’ Knisja saret taħt forma ta’ Piramida: il-Papa, l-Isqifjiet, il-Ġrarkija u l-Lajċi.’ Hawnhekk tidħol ħafna it-Teoloġija tal-Ispirtu s-Santu. Kristu ħalla f’idejn l-Appostli u dawn, minn-naħa tagħhom, għaddew il-poter lis-suċċessuri tagħhom. Imma l-lajċi kienu passivi ħafna. Il-Kardinal Newmann kien qal li l-lajċi dejjem tgħallmu ‘to pray, to pay and to obey’ (biex jitolbu, iħallsu u jobdu). F’dan il-mudell, l-Ispirtu s-Santu joħroġ bħala li jgħin biss lis-suċċessuri tal-Appostli. Din hija ideja fqira għax Ġesù Kristu waqqaf il-Knisja bħala kommunità u b’hekk l-Ispirtu s-Santu jinsab fl-Insara kollha. Kull min għandu xi setgħa fil-Knisja qiegħed hemm għall-qadi tal-Kommunità .

Fl-1943, Papa Piju XII ħareġ l-Enċiklika ‘Mystiċi Corporis Christi’ fejn jgħid li l-Knisja ‘hija istituzzjoni, imma istituzzjoni karismatika. Jisħaq fuq il-Knisja bħala l-Ġisem ta”Kristu Mistiku, Ġisem ħaj. Barra minn dan, f’din l-Enċiklika, solva l-kwistjoni hekk imsejħa tas-salvazzjoni tal-infidili bit-teoloġija tal-magħmudija tax-xewqa li jirċievu ‘dawk li mhumiex fil-Knisja mhux tort tagħhom imma qegħdin f’dik imsejħa bona fide. ‘Imma minħabba li l-ideja dominanti ta’ Knisja baqgħet dik ta’ soċjetà li għandha l-‘ġerarkija u l-liġijiet tagħha biex jiġu obduti, din l-espressjoni baqgħet tgħodd għal dawk ‘kollha li kienu maqtugħin mill-Knisja Kattolika li kienet meqjusa bħala l-unika Knisja’vera u ta’ Ġesù Kristu.

S’issa it-tagħlim kien li l-Ispirtu s-Santu jinsab biss fil-Papa. Imma minn hawn  ‘l quddiem ġie mgħallem li l-Ispirtu s-Santu huwa f’kulhadd għax fil-Ġisem kull membru ‘għandu funzjoni u għalhekk fil-Knisja kull membru għandu l-Ispirtu s-Santu jaħdem fih.’ L-Ispirtu tat-tiġdid kompla jissoda.

Papa Gwanni XXIII, magħruf bħala l-Papa Transitorju, stqarr quddiem kulħadd li l-Knisja għandha bżonn kbir li tbiddel il-libsa tagħha u l-mod kif twassal id-duttrina tagħha. Huwa ħass il-bżonn urġenti li l-Insara għandhom jgħarfu aktar min huma bħala l-poplu t’Alla u kif jistgħu jaqdu aħjar il-missjoni li għandhom, li jwasslu s-salvazzjoni t’Alla lil kulħadd. B’hekk tħabbar il-ħsieb li jsir Konċilju, li llum jitqies bħala l-akbar ġrajja tal-Ispirtu fl-istorja tal-Knisja fiż-żminijiet tagħna.

Ir-riżultat tal-Konċilju kien wieħed importanti ħafna. Il-ħames karatteristiċi tal-Konċilju juru biċ-ċar li l-Knisja hija l-poplu t’Alla għax:-
1. Kien Konċilju ta’ Knisja dinjija u mhux tal-Kultura Ewropeja biss;
2. Fih hemm ir-relazzjoni ġdida tal-Knisja mad-dinja. Dan juruh id-dokumenti ‘Gaudium et Spes’ u ‘Dignitates Umanes’;
3. Sar sforz biex id-duttrina tingħata espressjoni ġdida – tibdil fil-mod kif tiġi mgħallma;
4. Dan il-Konċilju aċċetta l-Ekumeniżmu. Filwaqt li fl-1943 il-Papa Piju XII qal li l-Knisja ta’ Kristu hija l-Knisja Kattolika Rumana, il-Konċilju, fin-n.8 tal-Kostituzzjoni jgħid li l-Knisja ta’ Kristu tinsab fil-Knisja Kattolika Rumana imma ma hijiex hi biss. Il-Knisja għandha tiddiskuti ma’ nies li ma humiex Kattoliċi biex issib il-verità għax fil-fatt, ir-reliġjonijiet li mhumiex insara għandhom fihom elementi mill-verita` ta’ Kristu anke jekk mhumiex f’kommunjoni sħiħa mal-Knisja Kattolika. Għal dan il-għan intagħażlu tlett livelli ta’ nies mill-Knisja biex isiru diskussjonijiet magħhom:-
(i) Insara mhux Kattoliċi – Luterani, Protestanti, eċċ.
(ii) Reliġjużi mhux Insara – Buddisti, Musulmani, eċċ.
(iii) Mad-dinja tal-ateji – nies li ma jemmnu b’xejn.

5. Jidher ottimiżmu kbir dwar is-sitwazzjoni. Il-Knisja ħasset li m’għandhiex tkun dominanti minn attitudni pessimista u kritika. Ħareġ messaġġ qawwi li teżisti l-ħniena t’Alla, għalkemm hemm ukoll il-ġustizzja tal-id t’Alla. Wieħed mill-aktar dokumenti importanti f’dan il-Konċilju huwa ‘Lumen Genitum’, li jittratta b’mod speċjali fuq il-Knisja bħala d-dawl tal-ġnus. Fit-Tieni Kapitlu ta’ dan id- dokument, il-Knisja hija murija bil-frażi ta’ Poplu t’Alla, poplu pellegrin u ta’ tama, fil-mixja tiegħu fid-dinja lejn għarfien aktar sħiħ ta’ Alla u lejn twaqqif definittiv tas-saltna. Jibda billi juri li fil-ħsieb Divin kien hemm minn dejjem il-pjan li Alla jagħżel poplu għalih li miegħu jagħmel patt speċjali. Dan il-poplu jkollu l-ligi t’Alla miktuba f’qalbu u jitwieled mhux mill-Ġisem iżda mill-Ilma u mill-Ispirtu s-Santu.

Il-poplu l-ġdid t’Alla għandu fih il-ġnus tad-dinja kollha. Dawn ifissru l-kelmiet universali jew Kattoliku. Il-fidili kollha mxerrda mad-dinja jikkomunikaw ma’ oħrajn fl- Ispirtu s-Santu. Kif jgħid San Pietru: “Kull wieħed minnkom jgħix skond id-don li rċieva u jinqeda bih għall-ġid tal-oħrajn, hekk tkunu amministratturi tajbin tal-grazzja ta’ Alla li hi ta’ ħafna xorta.”

Il-Knisja rċeviet il-kmand mingħand Kristu nnifsu: “Morru mela, agħmlu dixxipli mill- ġnus kollha u għammduhom fl-Isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu  għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.” B’dan il-kmand il-Knisja titlob u taħdem fl-istess ħin sabiex il-milja tad-dinja kollha ssir il-Poplu ta’Alla, Ġisem tal-Mulej, u Tempju tal-Ispirtu s-Santu.

Kapitlu IV tal-Konċilju Vatikan II jittratta fuq il-parti l-kbira tal-Knisja, li huma l-lajċi, li huma mqabbla ma’ ħafna membri f’Ġisem wieħed, iżda mhux il-membri kollha għandhom l-istess xogħol, hekk huma Ġisem wieħed fi Kristu u kull wieħed minnhom membru tal-ieħor. Il-lajċi, il-poplu magħżul minn Alla, jiffurmaw poplu wieħed: “Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda.” Għalkemm fil-Knisja mhux kulħadd jimxi mill-istess triq, kulħadd huwa msejjah għall-qdusija u għandu x-xorti li jħaddan il-fidi għall gustizzja t’Alla. Il-lajċi, fl-aħħar paragrafu ta Kapitlu IV tal-‘Lumen Gentium’ għandhom skopijiet nobbli bħala xhieda tal-mewt u l-qawmien ta’ Kristu, u li b’konsegwenza ta dan fid-dinja, jridu jkunu l-istess bħal ma’ hija r-ruħ tal-Ġisem. Sabiex ineħħi l-ideja li l-qdusija hija riservata għas-saċerdoti jew sorijiet biss, il-Konċilju Vatikan II jinsisti li għalkemm id-dmirijiet u l-mod ta’ ħajja huma differenti, hija l- qdusija li jfittxu dawk kollha li huma mmexxija mill-Ispirtu t’Alla. Dan nafuh għax Kristu ħabb lill-Knisja tiegħu u ta lilu nnifsu għaliha biex iqaddisha.

Is-sejħa universali għall-qdusija hija ideja marbuta mill-qrib ma’ dak li l-Konċilju jgħid dwar id-dinjità ta’ kull mgħammed fi hdan il-poplu t’Alla. L-iskop prinċipali tal-ħajja tal-poplu t’Alla hija li jgħix is-sejha tiegħu billi jkun sinjal u strument tas-salvazzjoni t’Alla għall-bnedmin kollha u billi jkun diġa minn issa il-bidu tas-saltna t’Alla fid-dinja. Biex ikompli fuq l-istess linja, dan id-Dokument ikompli jitkellem fuq ir-rejaltà tal-poplu t’Alla fid-dinja bħala wieħed pellegrin u ta’ tama, f’mixja lejn it-twaqqif definittiv tas-saltna.

Il-Knisja hija l-poplu t’Alla fil-mixja tiegħu lejn it-twettiq sħiħ tal-wegħda t’Alla tas- salvazzjoni. F’din il-mixja tagħna bħala Knisja niċċelebraw is-sagramenti u l-liturgija – dak li diġa seħħ b’mod sħiħ imma li aħna qed nieħdu sehem minnu. B’hekk il-punt
ċentrali tal-Knisja hija l-Kelma t’Alla. Il-Knisja hija l-qaddejja tal-Kelma t’Alla għaliex hija l-Kelma li kienet fil-bidu.

Minn dan kollu naraw li l-Knisja mhix biss tal-ġerarkija. Hija poplu bi struttura, bil-ġerarkija li tagħmel parti minnha, għall-qadi ta’ dan l-istess poplu. Huwa importanti li l-Knisja tkun miftuħa għal dak kollu li jitlob minnha kull żmien biex tkun dejjem tista’ taqdi l-missjoni tagħha fid-dinja u mal-bniedem ta’ kull żmien. Wieħed ma jistax jibqa’ jħares lejn il-Knisja bħala xi organizzazzjoni separata bejn ġerarkija u lajċi. Il-Knisja hija poplu wieħed t’Alla – il-lajċi, li flimkien, Ġisem wieħed mal-gerarkija, jaħdmu għall-bini tal-Knisja ta’Kristu.

_____________________________