Għeżież ħuti Franġiskani,
Il-paċi magħkom. Kemm ħadt pjaċir meta Peter ċempilli biex nikteb messaġġ żgħir lil ħuti ta’ OFS! Meta ngħaqadt mal-familja tal-OFS ħassejtni mhux biss
parti minn familja magħquda imma ukoll parti minn grupp tan-nies li għandhom l-istess għan. Għalhekk ħassejt il-vojt f’dawn ix-xhur li ma stajniex niltaqgħu kull nhar ta’ Tlieta.
Xtaqt li għall-ewwel messaġġ tiegħi naqsam magħkom xi tfisser għalija li nkun parti minn din il-familja Franġiskana. Xi tfisser għalija l-ispirtualità Franġiskana? Għaliex l-OFS u mhux xi grupp Kristjan ieħor? Daqs kemm hemm gruppi oħra ta’ talb!
Hemm ħafna xi tgħid fuq l-ispiritualità Franġiskana imma hawn ser nitkellem fuq żewġ aspetti li San Franġisk ħaddan partikolarment: il-proklamazzjoni tal-evanġelju u s-solidarjetà mal-emarġinati. Fil-fatt dawn iż-żewġ aspetti jmorru id f’id.
L-ewwel aspett: il-proklamazzjoni tal-evanġelu:
Bħal San Franġisk aħna rridu ngħixu l-evanġelu kuljum – ma nistgħux inpoġġu l-evanġelu u l-ħajja ta’ kuljum f’kompartimenti differenti. Wieħed mill-aktar mezzi li nkunu “dawl għan-nazzjonijiet kollha” huwa li ngħixu l-ħajja ta’ Kristu, li ngħidu minn qalbna “rajna l-Mulej” (Jn20,25). San Franġisk dejjem ifakkarna biex barra li nxandru l-evanġelu ngħixuha wkoll. Kif jgħid il-Malti: l-eżempju jkaxkar! Il-fraternità tagħna għalhekk tħabbar “ġenna ġdida u art ġdida”, fejn is-solidarjetà u l- ġustizja huma parti mill-ħajja ta’ kuljum ta’ kull Kristjan.
Dan l-aspett, kif rajna, huwa marbut mal-ewwel wieħed. Minn huma l-emarġinati ta’ żmienna? San Frangisk ħadem ħafna mal-lebbrużi – kienu infatti jqisuhom bħala ‘non-persons’, nies meqjusin li l-anqas biss jeżistu. Forsi l-ħidma ta’ San Franġisk u l-ispirtualità Franġiskana ftit norbtuha ma’ x’qed jiġri llum madwarna. Fuq kollox l-istat ma jieħux ħsieb lil kulħadd, mhux kulħadd għandu ikel fuq il-mejda u post fejn joqgħod għall-mistrieħ! L-ewwel ħaġa ma nistgħux neħduha bħala fatt li kulħadd għandu saqaf fuq rasu, imma wisq aktar ta’ niket huwa l-fatt li hawn ħafna f’nofsna li huma mistmerra u emarġinati – l-aktar fost dawn huma r-refuġjati, imma mhux biss. Tant hawn preġudizzju – ninsew li ħafna minn dawn in-nies kellhom jaħarbu minn pajjiżhom minħabba xi gwerra qalila. Barra l-ħajja iebsa tagħhom fejn kellhom iħallu darhom u l- familja tagħhom, jiffaċċjaw preġudizzju, razziżmu u sfruttament kuljum. Illum mhux forsi dawn huma l-lebbrużi ta’ żmien Kristu u ta’ żmien San Frangisk?
San Franġisk jgħid li meta timxi mal-imwarbin, mal-esklużi, ma’ dawk ligħandhom l-ebda poter u drittijiet, ma’ dawk li kienu jqisuhom bħala ‘nonpersons’, inkunu verament qed nimxu fil-passi ta’ Ġesu Kristu.
Insellmilkom,
Paci u sliem,
Mariella Spiteri-Gonzi ofs
0 Comments