731603-400xNone

NEWSBOOK

Marion  Zammit  –  02/12/15 04:06 PM

L-Udjenza Ġenerali tal-Papa Franġisku, din il-ġimgħa, kienet iddedikata kollha kemm hi għaż-żjara tal-ġimgħa l-oħra fl-Afrika.

Il-Papa ddeskriva bħala “skandlu” u “ta’ mistħija għall-umanità”, id-differenza bejn min hu sinjur u min hu fqir fl-Afrika.

Żied jgħid li l-isfida dinjija ta’ din l-epoka hi li wieħed jagħmel riforma mill-mudell ta’ żvilupp biex dan ikun wieħed ġust, inklussiv u sostenibbli.

Sadattant, fi Pjazza San Pietru, fil-Belt tal-Vatikan, saru dawk li qed jitqiesu bħala l-provi ġenerali tas-sigurtà qabel nhar it-Tlieta jibda l-Ġublew tal-Ħniena. Kien hemm iktar Pulizija mis-soltu, traffiku mhux permess fil-madwar tal-pjazza, u b’suldati armati kif issa hemm quddiem kull knisja importanti f’Ruma.

Il-membri tal-pubbliku li daħlu fin-naħa l-magħluqa tal-pjazza, għaddew minn tfittxijiet, kif issa qed isir lil kulħadd, permezz tal-metal detectors.

Intant, mal-ġurnal ‘Credere’, il-Papa tkellem dwar il-Ġublew tal-Ħniena.

Spjega kif din is-sena se tkun iddedikata lill-maħfra u r-rikonċiljazzjoni, waqt li saħaq li hu ovvju li d-dinja llum għandha bżonn il-ħniena, li tifhem u tagħder lil ħaddieħor.

Qal li l-bniedem illum hu wisq imdorri li jisma’ aħbarijiet koroh, ta’ kefrija u atroċità li joffendu isem Alla u l-ħajja, waqt li nsista li quddiem “is-sagrileġġ kontra l-umanità”, il-bniedem għandu “jieqaf u jiġi għandi”.