Minn Stefan Pullicino – 20/02/16

803487-400xNoneL-Isqof t’Għawdex Mario Grech qal li n-nuqqas ta’ xita qed jinħass sew u qed ikollu konsegwenzi fuq l-uċuħ tar-raba’ u l-frott tagħha.

F’Ittra Ċirkulari li qed tinqara fil-knejjes tad-Djoċesi ta’ Għawdex, l-Isqof Grech qed isejjaħ lill-bdiewa u lill-poplu kollu ta’ Alla fi gżiritna biex jieħdu sehem f’Pellegrinaġġ Penitenzjali bl-istatwa ta’ Ġesù Redentur, b’talb għax-xita.

Dan il-pellegrinaġġ se jsir il-Ħadd 28 ta’ Frar 2016. Se jibda fl-4 ta’ waranofsinhar mill-knisja parrokkjali tal-Qala u jispiċċa is-Santwarju Ġubilari tal-Immakulata Kunċizzjoni fejn issir quddiesa.

L-Isqof Grech qal li dan qed isir wara li waslet f’qalbu t-tnehida ta’ ħafna bdiewa li qed jaraw il-wiċċ tal-art jinkedd minħabba n-nixfa mhux tas-soltu.

Qal li f’dawn iċ-ċirkustanzi, it-twemmin f’Alla l-Ħallieq li jista’ kollox għandu jmexxi lill-bniedem biex jerfa’ qalbu lejn Alla f’talba ħerqana sabiex jagħti x-xita f’waqtha.

Temm jgħid li l-għarfien li llum għandna biex naqraw “it-temp” m’għandu bl-ebda mod inaqqas il-fidi tagħna fl-id tal-providenza ta’ Alla li tmexxi kollox u li jħares lejn il-ħtiġijiet ta’ wliedu l-bnedmin.