Minn Marion Zammit – 20/02/16

803316-400xNoneIl-Knisja f’Malta, permezz ta’ grupp ta’ esperti, qed tisħaq li l-abbozz ta’ liġi dwar l-affermazzjoni tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità u l-espressjoni tal-ġeneru jqajjem kwistjonijiet etiċi u legali serji.

Id-dokument imħejji bil-għan li l-Knisja tikkontribwixxi għad-diskussjoni, jispjega li l-abbozz ta’ liġi minflok ma jippromwovi l-kunċett ta’ kultura inklussiva ta’ dinjità għal kulħadd, jippromwovi d-diskriminazzjoni, in-nuqqas ta’ rispett lejn l-awtonomija personali u n-nuqqas ta’ fiduċja fir-responsabiltà tal-professjonisti.

Il-grupp ta’ esperti jidentifikaw numru ta’ punti li fihom l-abbozz ta’ liġi jmur kontra liġijiet oħra, inkluż il-Kostituzzjoni ta’ Malta u deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea għad-drittijiet tal-bniedem, fosthom għad-dritt tal-counselling b’mod volontarju f’każ ta’ għażla psikoloġika tal-ġeneru.

Jgħidu li l-liġi kif qed tiġi proposta tostakola lil kulħadd minn aċċess liberu għall-għajnuna professjonali marbuta ma’ dan is-settur, u tolqot lil diversi persuni mhux biss dawk vulnerabbli.

L-esperti jispjegaw li l-liġi tippermetti li persuna tassisti lil xi ħadd ieħor biex minn eterosesswali jsir omosesswali, imma l-abbozz jagħmilha reat kriminali meta s-sitwazzjoni tkun bil-maqlub.

Jikkritikaw dak li jsejħu n-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni ta’ realtajiet kumplessi li jiltaqgħu magħhom il-professjonisti fil-klinika u tisħaq li l-abbozz ta’ liġi jillimitahom milli jeżerċitaw il-professjoni tagħhom b’mod liberu u jneħħi l-poter minn idejn il-klijent li jidentifika l-miri mat-terapista tiegħu.

Id-dokument tħejja minn seba’ esperti, fosthom l-Imħallef Giovanni Bonello, id-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi, il-Prof. Kevin Aquilina, u d-Dekan tal-Fakultà tat-Teoloġija, il-Prof. Emmanuel Agius.

Tista’ taqra d-dokument sħiħ hawnhekk:
Il-liġi dwar it-terapija tal-konverżjoni