Mill-Isqof Mario Grech
L-Erbgha, 25 ta’ Novembru, 2015

Illum ftaqarna fil-ħsieb. Ftit huma dawk li jħossuhom ħielsa li jaħsbu b’moħħhom. Meta wieħed jirrifjuta li jelabora l-ħsieb tiegħu, hu jkun qed jirrinunzja għal-libertà. Qegħdin ngħixu fi żmien immarkat minn dak li jissejjaħ il-ħsieb uniku jew il-ħsieb dominanti. Hemm ir-riskju li naqgħu f’dik il-kategorija li xi ħadd iddeskriva bħala “victims of group thinking”. Għaldaqstant illum il-ħsibijiet, l-ideat u l-għażliet tagħna ftaqru ħafna għax, minflok, hemm ir-riskju li nitkellmu u naġixxu bla ma naħsbu. Qed naċċettaw li flok ma nkunu aħna li nagħtu d-daqqa fuq l-inkwina tal-ħajja, niddelegaw lil ħaddieħor isawrilna ħajjitna. Dan narah jiġri fil-ħajja personali tagħna, fil-familja u fis-soċjetà. Għalhekk għandna bżonn il-kuraġġ biex naħsbu “barra mill-kaxxa”, fis-sens li nkunu kapaċi noħorġu ’l barra mill-iskemi u l-programmi tas-soltu. Dan jgħodd ukoll għalina fil-Knisja meta niġu biex nagħmlu l-għażliet pastorali tagħna.

Meta nirrifletti fuq id-djalogu li għadda bejn Ġesù u Pilatu, partikularment meta Ġesù jgħid li s-saltna tiegħu mhix ta’ din id-dinja, jiġini f’moħħi li Ġesù kien qed jipprovoka lil Pilatu biex fl-approwċ tiegħu bħala mexxej jaħseb “barra mill-kaxxa” u ma jikkuppjax “slaten” oħra. Ġesù kien qed ifisser lil Pilatu li hemm mod differenti kif wieħed jibni s-soċjetà. Meta Ġesù qed jgħid li s-saltna tiegħu mhix ta’ hawn, ried ifisser ukoll li Hu għandu viżjoni, kriterji u atteġġjamenti differenti minn tagħna l-bnedmin kif jorganizza s-saltna. Dan ifakkarni fi kliem il-Profeta Isaija fejn Alla jgħid li “il-ħsibijiet tiegħi ma humiex il-ħsibijiet tagħkom, it-toroq tiegħi ma humiex it-toroq tagħkom” (55:8). Nagħti xi eżempji.

Żgur li l-imġiba ta’ Ġesù f’dak il-waqt tal-proċess żarmatu lil Pilatu! Ġesù kien qed jiġi akkużat inġustament minn folla vjolenti li riedet rasu fuq platt. Quddiem dak it-tagħjir, l-għadab, il-qilla, l-inġustizzja, Ġesù jagħżel li jibqa’ ħiemed, ġwejjed u paċifiku. Ma jpattihiex, ma jafx x’inhi vendetta, ma jirritaljax, ma jirrispondix imma jaħfer u jħobb. Nistħajjel li din l-attitudni non-vjolenti quddiem il-vjolenza tħarbat l-iskemi kollha mhux biss ta’ Pilatu imma tagħna wkoll li għadna rridu nimxu bil-prinċipju ta’ ‘għajn għal għajn u sinna għal sinna’! Dan huwa l-atteġġjament ġdid li qed jipproponilna Ġesù quddiem kull xorta ta’ vjolenza – dik fiżika, psikoloġika, ekonomika, diskriminatorja, politika, razzjali u reliġjuża.

Is-saltna ta’ Ġesù tiddistingwi ruħha wkoll mis-saltniet tad-dinja minħabba l-kriterji li jħaddem Ġesù biex jaċċetta “iċ-ċittadani” tiegħu. Filwaqt li s-soċjetà tagħna tippreferi ċittadini “perfetti” u “b’saħħithom” (fis-sens wiesa’ tal-kliem), Ġesù jiftaħ il-bieb għal kulħadd imma juri preferenza ma’ dawk li huma imperfetti, dgħajfa u foqra. Is-soċjetà għandha ħafna x’titgħallem u tikkoreġi biex tassew ma tagħmilx diskriminazzjoni maż-żgħir u l-fqir. Għalkemm forsi ma ngħidux bil-kliem, aħna għadna soċjetà elitista u hemm min irid ikompli jgħolli l-ħajt li jifred klassi minn oħra. Anki l-komunità Nisranija tista’ taqa’ f’dan id-dnub. Propju għax aħna l-bnedmin ikkundizzjonati li naħsbu kif taħsibha d-dinja, nitfixklu meta nisimgħu l-Knisja tappellalna biex ngħinu lil dawk li huma inqas perfetti jiġu akkumpanjati u integrati fil-komunità. Fostna għandna min għadu jaħseb li l-komunità ekkleżjali hija komunità tal-perfetti u mhux “sptar tal-gwerra” – għalhekk ma hemmx lok għall-midinbin, speċjalment għall-midneb li qed fi proċess ta’ konverżjoni. Quddiem raġunar bħal dan, nisma’ lil Ġesù jgħidilna li “il-Knisja tiegħi mhix ta’ din id-dinja… il-Knisja tiegħi hija differenti minn dik ta’ din id-dinja”.

Filwaqt li l-fus tas-saltna ta’ Pilatu hija l-ġustizzja, għal Ġesù l-pedament tas-saltna għandu jkun il-ħniena. Għalkemm il-ġustizzja hija kejl meħtieġ għas-soċjetà, l-esperjenza tixhdilna li bil-ġustizzja biss ma rnexxilniex inġibu l-ordni u l-paċi. Għalkemm għandna l-qrati bħala strutturi li jiggarantixxu l-ġustizzja, mhux biss ħafna feriti jibqgħu ma jagħlqux, imma xi drabi l-istess strutturi jikkawżaw ġerħat oħra. Il-ġustizzja li jitkellem dwarha Kristu għandha isem ieħor: jisimha ħniena. Ma nistagħġibx li xi wħud fil-Knisja jitfixklu meta dan l-aħħar is-Sinodu tal-Isqfijiet ippropona li jinfetħu għejun tal-ħniena divina għal dawk l-Insara li tfixklu fil-ħajja taż-żwieġ u issa, għax huma mxennqa għal Kristu, jixtiequ jkunu milqugħa bħala membri sħaħ fil-komunità ekkleżjali. Xi wħud, meta jirreferu għall-ġustizzja ta’ Alla, jaħsbu li Alla jaħseb bħalna l-bnedmin u li l-ġustizzja tiegħu hija bħal tagħna. Meta nirraġunaw b’dan il-mod inkunu qegħdin “niġġudikaw” lil Alla għax irriduh “jaħseb” bħalna u “jikkastiga” lill-midneb. Hawn ukoll irridu naħsbu barra mill-kaxxa! Meta nitfgħu ħarsitna fuq il-Kurċifiss, nintebħu li dakinhar fuq is-salib Ġesù għamel ġustizzja billi, imqanqal mill-ħniena, huwa ta ħajtu għall-bnedmin kollha u fdiena. Għalhekk għal Alla l-ġustizzja għandha isem ieħor: ħniena.

Kull darba li fil-“Missierna” nitolbu biex tiġi fostna s-Saltna ta’ Alla, aħna nkunu nitolbu biex is-soċjetà tkun aktar umana. Dan jiġri jekk, imnebbħin mill-mod kif kien jaħseb Ġesù, aħna nagħtu sehemna biex ngħinu fil-proċess ta’ bidla biex is-saltna ta’ din id-dinja toqrob lejn is-saltna kif proposta minn Ġesù.

+Mario Grech

Isqof ta’ Għawdex