Il-Hamis, 3 ta’ Diċembru, 2015

Dan il-Milied tal-2015 se jinkiteb u jibqa’ mfakkar b’ittri tad-deheb, għax kif jgħid il-Malti ‘fuq tlieta toqgħod il-borma’. Huwa l-ewwel Milied li se jkollna ‘website’ tal-Parroċċa; l-ewwel darba li n-Novena se tkun organizzatha mill-Aħwa tal-Fraternita tal-Ordni Franġiskan Sekular; u l-ewwel darba fl-istorja tal-Parroċċa u OFS li qed tingħatha l-importanza mistħoqqha lill-Fraternita tas-Sekulari.

In-Novena bejn il-15 sat- 23 ta’ Diċembru se tkun tikkonsisti minn ħames taqsimiet. L-ewwel nibdew billi fil-qosor infakkru episodju mill-ħajja ta’ Kristu; imbagħad insibu parallel mill-ħajja ta’ San Franġisk li tixbah ‘l dak li għamel Kristu, għax fuq kollox għalhekk Franġisku huwa magħruf bħala ‘Alter Christus’ għax għamel ħiltu biex jimita ‘l Kristu; Imbagħad se tinqara Talba jew Salm li fihom nitolbu ‘l Alla li nibdew nimitawh kif għamel Missierna Franġisku; wara jsiru invokazzjonijiet bil-parteċipazzjoni tal-poplu, fejn nitolbu bil-ħerqa ‘l Alla li jgħaġinna biex insiru nixbħu l-Franġisku; l-aħħar parti tkun l-kant ta’ ‘Għanja tal-Milied’ marbuta kemm jista’ jkun mat-tema magħżula.

Għal din in-Novena se tieħu sehem il-Fraternita kollha tal-Ordni Franġiskan Sekular.

Tony Mahoney
Ministru OFS