Illum 2 ta’ Marzu l-knisja Franġiskana qed tfakkar il-qaddisa Franġiskana Santa
Agnese ta’ Praga.

Min kienet Santa Agnese?
Agnese kienet principessa tal-Familja Rjali tal-Bomenja. Kienet wkoll kuġina ta’
Santa Elizabetta tal-Ungerija, l-Patruna tal-Ordni Franġiskan Sekular.
Agnese twieldet fl-1211. Kienu ħamest aħwa u hi kienet it-tieni wild wara ħuha
Wenceslas li laħaq re wara missieru.

Ta’ għaxar snin missierha wegħedha bi żwieġ lil Boleslas, it-tifel tad-Duka ta’
Silesja, iżda dan miet ħesrem. Għalkemm kienet għadha ċkejkna kienu ħafna l-
proposti għal żwieġ magħha minn prinċpijiet u imperaturi.

Għall-ħabta tal-1225, meta Agnese kellha erbgħatax il-sena, waslu fi Praga l-
ewwel Patrijiet Minuri u hawn Agnese ħadet l-ewwel tagħrif dwar San Franġisk
u dwar Santa Klara u s-Sorijiet Foqra Ta’ San Damian.
Fl-istess żmien kuġinitha Elizabetta tal-Ungerija, wara il-mewt ta’ żewha, bniet
sptar u tat ruħha għall-kura tal-morda u tal-lebbrużi.

Angese wkoll bniet sptar u kunvent għall-Patrijiet Minuri u iddecidiet li tgħix
ħajja bħal dik ta’ Klara u tas-Sorijiet Foqra. Imma peress li kien hemm
quddiemha proposta ta’ żwiġiet imwegħed, kitbet lill-Papa Girgor IX u talbitu l-
permess li tikkonsagra ħajjitha lill-Kristu. Il-Papa ferħilha u għamlilha l-kuraġġ
biex tibqa’ soda fil-fehma tagħha. Ħuha r-Re Wenceslas irrispetta x-xewqa
tagħha.

Nhar Pentekoste, 11 ta’ Ġunju 1234, fil-Kattidral ta’ Praga, quddiem il-legat tal-
Papa, ir-Re Wenceslas, ir-reġina omm Kostanza, il-princpijiet irjali u kbarat tal-
Boemja, Angese neħħiet il-kuruna ta’ Principessa u libset it-tonka Franġiskana.
Flimkien ma’seba tfajliet oħra nobbli mill-Boemja marret fil-Monasteru li kienet
bniet hi stess. Hekk daħlet fl-Ordni tas-Sorijiet Foqra ta’ San Damian, maħtura
bħala Badessa. Fil-monasteru tagħha fi Praga tat ħajjietha għall-morda,
lebbrużi u għall-foqra. Hi kienet tati parti sostanzjali mill-ġid li kienet tircievi
lill-isptar.

Fil-ħajja ta’ Agnese ma naqsux is-slaleb u t-tbatija. Sofriet ħafna minn mewt
wara l-oħra fil-familja li kienet tħobb. Il-mewt ta’ Omma r-Reġina Kostanza, dik
ta’ ħuha r-Re Wenceslas u ta’ neputijiet. Fl-istess sena mietet wkoll Santa
Klara.

Fir-Randan ta’ l-1282 Agnese mardet u rċeviet il-Vjatku minn idejn il-Patrijiet
Minuri u fit-2 ta’ Marzu 1282, Agnese mietet fil-Monasteru tagħha. Mill-ewwel
akkwistat fama ta’ qdusija minħabba l-mirakli li saru bl-intercessjoni tagħha.
Agnese ġiet iddikjarata Beata mill-Papa Piju IX fl-1874 u Qaddisa mill-Papa

Ġwanni Pawlu II fit-12 ta’ Novembru 1989.

Joe Gatt O.F.S.