Meta bniedem jagħmel żmien ma jużax riġlejh, dirgħajh jew sebgħu, dil-parti tal-ġisem tiġġamja u ma taħdimx. Irid jibda jħaddimha, billi jużaha, bil-mod il-mod. Din ir-riġel, l-id jew is-subgħa huma l-istess bħall-Iskrittura. Jekk tagħmel żmien ma taqbadx il-Kelma t’Alla, taqraha, tifhimha u tapplikaha ma jkunx faċli għalik. Ara Pawlu, Ġwanni u l-Evanġelisti l-oħra kollha fehmu din u għalhekk tkellmu tajjeb. Iżda forsi  mingħajr ma kienu jafu, kellhom lil xi ħadd qed jimbutthom, qed jgħinhom iħaddmu dik ir-riġel, jew l-id rieqda biex jibdew jaħdmu U dan ix-xi ħadd ma kien ħadd ħlief l-iSpirtu s-Santu. Huma kellhom bżonnu daqs kemm għandna bżonnu aħna.

Immaġinaw ‘l Pietru, sajjied, injurant, bully, jitkellem bla ma jaħseb, salvaġġ fil-manjieri tiegħu… mbagħad  joħroġ jitkellem bil-lingwa tal-anġli. Saħħar lil kulħadd, tant li kkonverta mal-ħamest elef u għammidhom kollha. Hekkhu, meta l-iSpirtu t’Alla jaħkmek, imexxik  u jbiddlek mil-lejl għan-nhar. Tant li tiskanta bik innifsek. Kos, min jaf bejnu u bejn ruħu kemm ħaseb Pietru u qal ‘jien kif qed nitkellem hekk? Minn fejn ġibtu dan l-għerf? Fil-ħut jien nifhem ,u wkoll meta għandi nistagħad. U minn fejn ġie dal-kuraġġ?

Araw x’effett kien hemm fuq Marija għax kienet maħkumha mill-iSpirtu s-Santu. Tfajla sempliċi ta’ ħmistax li qatt ma kellha x’taqsam ma’ raġel, toħroġ tqila u TAĊĊETTA dak kollu li qallha l-Anġlu. L-Evanġelju ma semma’ qatt xejn dwar il-problema li kellha biex tgħarraf ‘l ommha u ‘l missierha. Qiesu dan kollu sar speci ta ‘a matter of fact’. U xi ngħidu għall-problema l-oħra biex tgħarraf lil Ġużeppi? Hawn naraw il-qawwa tal-iSpirtu t’Alla. Tħossok kuntent, ferħan bħal meta qed tuża riġlejk fejn ilek ma tużaha. Hekk tgħid dik il-famuża poeżija, dwar wieħed għama: ‘What is that thing called light’?

Dan huwa l-istess ħsieb li jiġi  f’moħħna meta niskopru l-għarfien  u l-applikazzjoni tal-Kelma t’Alla u l-qawwa tal-iSpirtu t’Alla. Huwa minnu li ngħidu, jew inkantaw dak l-innu bil-Latin, ‘Vieni Santo Spirito’, iżda l-iSpirtu huwa diġa ġewwa fina. Għandna teżor moħbi taħt l-art f’xi senduq mimli trab. Xi bluha! Qiesek għandek għajnejk u ma tafx għalfejn, riġlejk u ma tafx tużahom. Għalkemm ma niskantawx, ħafna ghandhom moħħ u ma jafux jużawh. Iva, ħajjitna tinbidel ta’ taħt fuq. Aħsbu dwar dik iċ-ċorma ta’ sajjieda li kellu madwaru Kristu, qatta’ beżżiegħa, għax ħarbu waqt il-Passjoni. X’bidla saret. Fil-fatt kollha, barra San Gwann l-Evangelista,  mietu martri, ivjaġġaw ‘l bogħod minn arthom u xterrdu mal-erbat irjieħ. Huma taw xhieda ta’ Kristu … għax kienu mmexxja mill-iSpirtu t’Alla. DAN huwa l-effett ta’ Pentecoste.

 

Tony Mahoney ofs