Maħbubin ħuti fi Kristu u San Franġisk
Fraħt meta Peter – il-Ministru tal-Fraternita tagħna tal-OFS, stedinni biex niktbilkom żewġ kelmiet biex b’hekk inżomm kuntatt magħkom. Nixtieq ngħidilkom li bqajtu kuljum fi ħsiebijieti, f’qalbi u fit-talb tiegħi.

Lulju huwa x-xagħar iddedikat lid-Demm Prezjuż u Qaddis ta’ Ġesu – sagrifiċju, servizz, preżenza u
mħabba li tifdina. Id- Demm ta’ Ġesu, mogħti għall-ħajja tad-dinja, ifakkarna fil-passat, huwa attwali

– jiġifieri qiegħed fil-preżent tagħna fl- Ewkaristija, u jwegħedna il-futur tagħna mal-Missier. Ġesu offra Ħajtu biex aħna nistgħu niksbuha.

Is- Sagrifiċju jsir għalina Sagrament, sostenn ta’ ruħna u ġisimna, għaqda mal-Missier tas-sema u ma

xulxin f’fidi waħda. L-għotja tad-Demm ta’ Ġesu hija fiċ-ċentru tal-fidi tagħna u isseħibna fis-saltna ta’ Ġesu li hija waħda ta’ ġustizzja, rikonċiljazzjoni u paċi, u li tistiedinna, fuq l-eżempju ta’ Ġesu, li ngħinnu w naqdu lil xulxin b’ ġenerosita w mħabba.
Fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, mhux biss il-ġisem ta’ Ġesu jiġi fostna, imma wkoll id-Demm prezjuż tiegħu – id-Demm tal-patt il-ġdid li jibqa’ għal dejjem u li jixxerred għalina għall-maħfra ta’ dnubietna (Mt 26:27). L-għotja ta’ Ġesu għandha il-bidu tagħha fir-rieda tal-Missier u l-milja tagħha fl-ubidjenza tal-Iben – veru Alla u veru Bniedem, bil-ħidma tal-Ispirtu Santu. Għalhekk l-istorja tas-salvazzjoni tagħna hija waħda ta’ mħabba Trinitarja.
Meta niftakru li Ġesu xerred demmu għal kull wieħed u waħda minna, ma nistgħux ma nagħrfux il-valur ta’ kull persuna umana mingħajr distinzjoni, u għalhekk ma nistgħux ma naħsbux f’dawk li jgħixu fil-periferiji tas-soċjetà, li jsoffru moralment u fiżikament, u minflok għajnuna jsibu ndifferenza, preġudizju u nuqqas ta’ tolleranza minn soċjetà affluenti bħal tagħna.
Li naċċettaw persuni li jistgħu jkunu differenti ħafna minna, hija l-bażi tal-imħabba Kristjana.

Inħeġġiġkom, membri tal-OFS, toffru talb, sagrifiċċji w opri ta’ karità matul dan ix-xagħar ta’ Lulju ddedikat lid-Demm prezjuż ta’ Ġesu, biex fuq l-eżempju Tiegħu, ntaffu t-tbatija ta’ dawn ħutna emarġinati u sofferenti.

Inselli għalikom u nixtieqilkom kull paċi u ġid.

Brigitte ofs