Minn Yendrick Cioffi – 27/12/15 06:00 PM
L-Isqof ta’ Għawdex Monsinjur Mario Grech fetaħ il-Bieb tal-Ħniena tas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna ta’ Pinu.
Il-funzjoni bdiet fl-istess ħin taċ-ċelebrazzjoni f’Malta, biex hekk iż-żewġ Djoċesijiet ġirien, ikunu qed jiċċelebraw il-Ġublew tal-Ħniena flimkien.
Ftit wara li fetaħ il-Bieb tal-Ħniena, Monsinjur Grech stieden għadd ta’ familji biex jgħaddu huma l-ewwel minnu.
Waqt l-omelija tiegħu, Monsinjur Grech tkellem dwar l-għaqda u l-għożża fil-familja.
Fil-ġurnata li fiha l-Knisja ċċelebrat il-Familja Mqaddsa, l-Isqof ta’ Għawdex ħa spunt mill-Evanġelju tal-ġurnata u spjega kemm il-firda minn Ġesù li sofrew Marija u Ġużeppi għal ftit jiem, switilhom ta’ ġid.
“Meta Marija tgħid li hi u Ġużeppi fettxewh b’qalbhom maqsuma hija qed tfisser mhux biss kemm switilhom il-firda, imma wkoll kemm ġabitilhom serħan il-moħħ u serenità tal-qalb ir-rikonċiljazzjoni, jiġifieri l-fatt li reġgħu ngħaqdu flimkien,” qal Monsinjur Grech.
L-Isqof Grech żied li bħal problema li kellhom Marija u Ġużeppi meta tilfu l-Ġesù, hekk ukoll illum kull familja għandha xi “barxa fl-istonku tagħha.”
Huwa kien qed jirreferi għall-problemi li jistgħu jkollhom xi familji, bħal mard, il-wirt, u problemi oħra li jaffetwaw ir-relazzjonijiet familjari.
L-Isqof Grech wera x-xewqa li f’dan il-Ġublew tal-Ħniena, dawk il-familji li għandhom il-problemi, jersqu lejn il-Madonna ta’ Pinu biex anke huma jħossu l-faraġ ta’ rikonċiljazzjoni, li ħassew Marija u Ġużeppi meta reġgħu sabu lil Ġesù.
Il-kliem ta’ Ġesù fit-tempju, meta qal lill-ommu u l-Missieru: “għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri”, Ġesù ried juri lil Marija u l-Ġużeppi li r-rabtiet familjari, jieħdu t-tifsira mir-rabta tal-bniedem ma’ Alla.
“Ir-rikonċiljazzjoni ma’ Alla għandha bħala effett ir-rikonċiljazzjoni ta’ bejnietna,” qal Monsinjur Grech.
Għalhekk, Monsinjur Mario Grech qed isejjaħ il-Bieb tal-Ħniena tas-Santwarju ta’ Pinu bħala “l-Bieb tal-Miżerikordja għall-Familja.” Huwa fakkar kif kemm San Ġwanni Pawlu u anke l-Papa Benedittu, sejħu lill-Madonna ta’ Pinu bħala s-Sultana u l-Patruna tal-Familja.
Huwa rringrazzja lil ħafna familji tad-Djoċesi Għawdxija li huma xhieda tal-ħajja Nisranija, u anke lil dawk li adottaw jew qed jagħmlu fostering.
Ħeġġeġ lil dawk il-familji kollha li għadhom xi problemi, waqt li għamel lista twila ta’ familji li jistgħu jkunu mtaqqla, biex jgħaddu mill-Bieb tal-Ħniena u jersqu lejn il-Madonna ta’ Pinu.
0 Comments