Aġġornata kontinwament: “Il-ħniena u l-imħabba jridu jibdew mill-familja” – L-Arċisqof jiftaħ it-tieni Bieb tal-Ħniena
Yendrick Cioffi – 27/12/15 03:30 PM
Titlaq purċissjoni mill-Knisja Arċipretali sas-Santwarju Nazzjonali
Telqet purċissjoni lejn is-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa.
Qabel telqet il-purċissjoni, l-Arċisqof ħeġġeġ lil dawk kollha preżenti li jifhmu li mhux se jgħaddu minn sempliċi bieb, imma se jkunu qed iduqu l-Ħniena t’Alla.
Ħeġġeġ lil kulħadd biex jgħożżu t-talb fil-familja, speċjalment it-talba tar-rużarju. Waqt il-purċissjoni tkantat il-Litanija tal-Qaddisin u l-innu tal-Ġublew tal-Ħniena.
“Il-ħniena u l-imħabba jridu jibdew mill-familja” – Omelija tal-Arċisqof
L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna qal li l-ħniena u l-maħfra għandhom jibdew l-ewwel u qabel kollox mill-familji.Tkellem dwar il-kwistjonijiet bejn il-miżżewġin, bejn l-aħwa, bejn l-ulied u l-ġenituri jew bejn il-familja estiża.
“Xi ħadd irid jibda biex jasal żmien ta’ maħfra u paċi,” qal l-Arċisqof.Għalhekk, Monsinjur Scicluna saħaq li l-Bieb tal-Ħniena għandu l-ewwel u qabel kollox jinfetaħ fil-familji.
Huwa ħeġġeġ lil kongregazzjoni u lil dawk li kienu qed jisimgħu x-xandira fuq RTK, biex ikunu appostli tal-ħniena permezz tal-kliem u l-għemil tagħhom. L-Arċisqof tkellem dwar l-eżempju ta’ Marija u Ġużeppi. Waqt li għamel referenza għall-Evanġelju ta’ meta Ġesù ntilef fit-tempju, Monsinjur Charles Scicluna qal li l-familja Mqaddsa hija skola tal-valur tad-djalogu. Marija staqsiet, imma Ġużeppi baqa’ sieket. “Kemm tkun ħaġa sabiħa li niżnu l-kliem tagħna u napprezzaw is-silenzju,” qal Monsinjur Scicluna. “Id-djalogu għandu l-mumenti tal-kliem u tas-skiet.”
Talab biex il-familji Maltin, jkunu ambjent ta’ għożża u li fihom tinħass il-preżenza tal-Mulej Ġesù. Marija kienet qed tfittex lil binha “b’qalb maqsuma,” qal l-Arċisqof u talab għall-familji Maltin li wkoll għandhom qalbhom maqsuma. “F’dawn il-mumenti l-preżenza tal-Mulej ma tidhirx faċli u mmedjata,” qal Monsinjur Scicluna. “Irridu nemmnu li Ġesù huwa wkoll Alla magħna.” Iddeskriva bħala providenzjali li t-tieni Bieb tal-Ħniena nfetaħ fis-Santwarju tal-Mellieħa, li ddeskrivih bħala l-eqdem xhieda tal-fidi Nisranija u tal-Ħniena t’Alla f’Malta.
Tibda l-Quddiesa bit-tiġdid tal-wegħdiet tal-Magħmudija Bħalissa għaddejja l-Quddiesa li matulha l-Arċisqof se jiftaħ il-Bieb tal-Ħniena tas-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa. Iċ-ċelebrazzjoni bdiet bit-tiġdid tal-wegħdiet tal-Magħmudija
Dettalji taċ-ċelebrazzjoni
Illejla l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna se jkun qed jiftaħ it-tieni Bieb tal-Ħniena f’Malta.
Iċ-ċelebrazzjoni se tibda fil-5:00pm b’Quddiesa solenni fil-Knisja Arċipretali ta’ Marija Bambina fil-Mellieħa.
Minn hemm imbagħad jitlaq pellegrinaġġ qasir lejn is-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna tal-Mellieħa, fejn Monsinjur Scicluna jiftaħ il-Bieb tal-Ħniena.
L-ewwel Bieb tal-Ħniena f’Malta nfetaħ nhar it-13 ta’ Diċembru u kien dak tal-Katidral tal-Imdina.
Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġublew tal-Ħniena se jkomplu nhar id-9 ta’ Jannar, Festa tal-Magħmudija tal-Mulej, meta l-Arċisqof jiftaħ it-tielet Bieb tal-Ħniena, jiġifieri dak tal-Oratorju tal-Kurċifiss fl-Isla.
Fl-istess ħin, illum l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech se jiftaħ il-Bieb tal-Ħniena tas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna ta’ Pinu.
Iċ-ċelebrazzjon tal-lejla se tixxandar dirett fuq RTK.
0 Comments