L-ISEM IMQADDES TA’ ĠESU

Nhar it-tnejn, nhar l-ewwel tas-sena, iċċelebrajna s-Solennita ta’ Marija Omm Alla. Li hu nteressanti huwa l-fatt li dan it-titolu ta’ l-akbar dinjita, li bniedem jista’ qatt ikollu, instema’ għall-ewwel darba minn fomm waħda mara qaddisa, li forsi ftit nagħtuha mportanza, fi’ żminna. Qed nirreferi għal Santa Eliżabetta, qariba ta’ Marija.  Tiftakru meta Marija marret iżżur lill-qariba tagħha. Kif rat ‘l Marija, Eliżabetta qaltilha: “Kif ikun dan li omm Sidi tiġi żżurni?” Mela Eliżabetta qed tiddikjara li Marija kienet Omm Sidi, Omm Alla. L-iSpirtu t’Alla kien qed jinqeda b’Eliżabetta. Mhux ta’ b’xejn it-tarbija qabżet f’ġufha, l-iSpirtu s-Santu kien beda’ xogħlu. Barra minn hekk qalet lil Marija wkoll: “Imbierka int”. Niftakru li Marija kellha fil-ġuf tagħha ‘l Ġesu tarbija, dak iż-żmien. Mela dik il-frażi ‘Imbierka int’ kien qed tirreferi għal Marija u għat-Tarbija li kellha fil-ġuf. Mela Eliżabetta qed tiddikjara li Ġesu huwa mbierek, allura Mqaddes.

Fuq kollox l-isem Ġesu jfisser, ‘Ħellies’ jew ‘Salvatur’. Kemm hi ħaġa tal-għaġeb, kif jaħdem l-iSpirtu s-Santu. L-Anġlu  qal ‘l Ġużeppi: “Inti tagħtih l-isem ta’ Ġesu, għax Hu se jeħles, isalva ‘l poplu minn dnubiethom.’ Hawn għandna kas fl-Iskrittura li jurina li l-ismijiet ma kienux magħżulin għall-addoċċ, iżda kienu providenzjali. X’ħasra llum l-ismijiet li qed jagħtu lit-trabi li ma jfissru xejn, ħlief ismijiet ta’ xi footballers famużi jew artisti. Naħseb se jkun hawn min isemmi ‘l ibnu ‘Pele’. Żgur ma kienx kumbinazzjoni li omm u missier Eliżabetta tawha dak l-isem. L-aktar meta nkunu nafu li dak l-isem ifisser: ‘Alla Huwa abbundanza’ jew ‘Alla Huwa l-ħalfa tiegħi’. Dan l-isem ġej mill-Ebrajk ‘shava’ li jfisser ħalfa’ u ‘El’  li jfisser ‘Alla’.

Nagħtu ġieħ, qima w unur lill-Isem ta’Ġesu, għax dan l-Isem ifakkarna dwar il-barkiet li nirċievu permezz tar-Redentur tagħna. Meta nagħtu qima ‘l dan l-Isem inkunu qed inwettqu kliem San Pawl: “F’Isem Ġesu, kull irkoppa tmil, ta’dawk fil-ġenna, fuq l-art u taħt l-art.” (Filippin 2:10) Hija festa partikolari bejn il-Franġiskani kollha , madwar id-dinja minħabba l-missjoni u l-ministeru ta’ ħuna S.Bernardin ta’ Siena (1380 – 1444). Kull meta joħroġ jippriedka, jew jitkellem il-poplu mkisser tal-Italja, kien joħroġ miegħu ‘monogramma’ (li tidher hawnfuq) tal-Isem Imqaddes, impittra fuq injama.  Waqt il-barka tal-morda kien itella’ fl-għoli din il-monogramma, u kien isir ħafna fejqan. Kien iħeġġeġ li kopja ta’ din il-monogramma titwaħħal fuq il-bibien tal-belt u fuq il-bieb ta’ kull dar. Il-monogramma fiha ċirku b’raġġi ħerġin minnha. Fiċ-ċirku hemm l-ittri ‘I, H, S’ li jfisser Jesus, Hominem. Bil-Malti: Gesu,  Salvatur tal-Bnedmin.

Tony Mahoney ofs