Sommarju tal-Eżortazzjoni Appostolika
Friday 08 April 2016

Amoris lætitia (AL – “Il-ferħ tal-imħabba”), l-Eżortazzjoni appostolika post-sinodali “fuq l-imħabba fil-familja”, mhux b’kumbinazzjoni mogħtija fid-19 ta’ Marzu, Solennità ta’ San Ġużepp, tiġbor ir-riżultati taż-żewġ Sinodi fuq il-familja msejħa mill-Papa Franġisku fl-2014 u fl-2015, li r-Relazzjonijiet finali tagħhom huma kkwotati spiss, flimkien ma’ dokumenti u tagħlim ieħor tal-Predeċessuri tiegħu u s-serje ta’ katekeżi fuq il-familja mogħtija mill-istess Papa Franġisku. Madankollu, kif diġà hu l-każ ta’ dokumenti oħra maġisterjali, il-Papa jinqeda wkoll bil-kontributi ta’ għadd ta’ Konferenzi epsikopali tad-dinja (il-Kenja, l-Awstralja, l-Arġentina…) u bi kwotazzjonijiet minn personalitajiet ta’ importanza bħalma kienu Martin Luther King u Erich Fromm. Ta’ interess partikulari hi l-kwotazzjoni mill-film Il pranzo di Babette, li l-Papa jfakkar biex jispjega l-kunċett ta’ gratwità.

114471-740xNone-1Daħla (1-7)

L-Eżortazzjoni appostolika tolqot lill-qarrej għall-firxa twila u t-tqassim dettaljat tagħha. Hi maqsuma f’disa’ kapitli u fuq tliet mitt paragrafu. Tiftaħ qabelxejn b’seba’ paragrafi ta’ introduzzjoni li joħorġu għad-dawl l-għarfien ta’ kemm hi kumplessa t-tema u l-approfondiment li teħtieġ. Jingħad li l-interventi tal-Padri Sinodali kienu bħal “ġawhra b’ħafna wċuħ” (AL 4), djamant prezzjuż li l-valur tiegħu għandu jiġi ppreservat. F’dan is-sens, il-Papa jikteb li “mhux id-diskussjonijiet duttrinali, morali jew pastorali kollha bilfors iridu jissolvew b’interventi tal-Maġisteru”. Għalhekk, għal xi kwistjonijiet, “f’kull pajjiż jew reġjun jistgħu jiġu mfittxija soluzzjonijiet li joqogħdu iktar għal dik il-kultura, attenti għat-tradizzjonijiet u għall-isfidi lokali. Fil-fatt, ‘il-kulturi huma differenti ħafna minn xulxin u kull prinċipju ġenerali […] jeħtieġ inkulturazzjoni, jekk irridu li jiġi osservat u applikat’” (AL 3). Dan il-prinċipju ta’ inkulturazzjoni hu tabilħaqq importanti anki fil-mod kif nippreżentaw u nifhmu l-problemi, u, lil hemm mill-kwistjonijiet dommatiċi definiti tajjeb mill-Maġisteru tal-Knisja, ma jistax jiġi “globalizzat”.

Imma fuq kollox il-Papa jafferma minnufih u b’ċarezza li hemm bżonn noħorġu mill-kunflitt sterili bejn it-tensjoni għall-bidla u l-applikazzjoni pura u sempliċi ta’ normi astratti. Jikteb: “Id-dibattiti li naraw fil-mezzi ta’ komunikazzjoni jew fil-pubblikazzjonijiet u saħansitra bejn il-ministri tal-Knisja jvarjaw minn xewqa sfrenata li nibdlu kollox mingħajr ma nirriflettu jew għandna biżżejjed fuqiex nibnu, għall-atteġġjament ta’ min jippretendi li jista’ jsolvi kollox billi japplika normi ġenerali jew jasal għal konklużjonijiet imġebbda minn ċerti riflessjonijiet teoloġiċi” (AL 2).

Kapitlu 1: “Għad-dawl tal-Kelma” (8-30)

Wara dawn il-premessi, il-Papa jibda jartikula r-riflessjoni tiegħu mill-Iskrittura Mqaddsa. Dan jagħmlu fl-ewwel kapitlu li jiżviluppa bħala meditazzjoni fuq is-Salm 128, karatteristiku tal-liturġija tat-tieġ Lhudi kif ukoll dak Nisrani. Il-Bibbja hi “miżgħuda b’familji, b’ġenerazzjonijiet, bi stejjer ta’ mħabba u ta’ kriżi familjari” (AL 8) u nistgħu nitilqu minn dan il-fatt biex nimmeditaw kif il-familja mhix xi ideal astratt, imma “ħidma li titlob ‘sengħa’” (AL 16) minsuġa bi ħlewwa (AL 28), imma li sa mill-bidu tħabbat wiċċha wkoll mad-dnub, meta r-relazzjoni ta’ mħabba tinbidel f’ħakma (ara AL 19). Għalhekk il-Kelma ta’ Alla “ma tidhirx bħala sekwenza ta’ ideat astratti, imma bħala sieħba fil-vjaġġ anki għall-familji li qegħdin fi kriżi jew għaddejjin minn xi tbatija, u turihom fejn trid tasal il-mixja tagħhom” (AL 22).

Kapitlu 2: “Ir-realtà u l-isfidi tal-familji” (31-57)

Fit-tieni kapitlu l-Papa jitlaq minn perspettiva Biblika biex iqis il-qagħda attwali tal-familji, u jżomm “saqajh mal-art” (AL 6), jislet ħafna mir-Relazzjonijiet finali taż-żewġ Sinodi u jaffronta bosta sfidi, mill-fenomenu tal-immigrazzjoni, għaċ-ċaħda ideoloġika tad-differenza bejn is-sessi (“ideoloġija tal-ġender”, AL 56); mill-kultura tal-proviżorju, għall-mentalità li trid trażżan ir-rata tat-twelid u l-impatt tal-bijoteknoloġiji fil-qasam tal-prokreazzjoni; min-nuqqas ta’ dar diċenti u ta’ xogħol, għall-pornografija u l-abbuż tal-minorenni; mill-attenzjoni għall-persuni b’diżabbiltà, għar-rispett lejn l-anzjani; mid-dekostruzzjoni ġuridika tal-familja, għall-vjolenza fuq in-nisa. Il-Papa jinsisti fuq il-konkretezza, li hi aspett fundamentali tal-Eżortazzjoni. U huma l-konkretezza u r-realiżmu li jagħmlu differenza sostanzjali bejn “teoriji” ta’ interpretazzjoni tar-realtà u “ideoloġiji”.

Franġisku jikkwota l-Familaris consortio u jafferma li “jixraq li nagħtu attenzjoni lir-realtà konkreta, għax ‘dak li l-Ispirtu s-Santu jitlob u jrid, juruhulna wkoll l-istess ġrajjiet tal-istorja’, li fihom ‘il-Knisja tista’ tasal biex tifhem aħjar u aktar fil-fond il-misteru (li ħadd ma jasal biex jifhmu għalkollox) taż-żwieġ u tal-familja’” (AL 31). Għalhekk, jekk ma nisimgħux ir-realtà, la nistgħu nifhmu l-esiġenzi tal-preżent u lanqas is-sejħat tal-Ispirtu. Il-Papa jinnota li l-individwaliżmu qawwi llum qed jagħmilha bi tqila li persuna tingħata għal persuna oħra b’mod ġeneruż (ara AL 33). Dan hu ritratt tajjeb tas-sitwazzjoni: “Nibżgħu mis-solitudni, nixtiequ spazju ta’ protezzjoni u ta’ fedeltà, imma fl-istess waqt qed jikber il-biża’ li ninqabdu f’relazzjoni li tista’ ttellef is-sodisfazzjon tal-aspirazzjonijiet personali tagħna” (AL 34).

L-umiltà tar-realiżmu tgħinna biex ma nippreżentawx xi “ideal teoloġiku taż-żwieġ astratt wisq, kważi mibni artifiċjalment, maqtugħ mill-qagħda konkreta u l-possibbiltajiet reali tal-familji hekk kif inhuma” (AL 36). L-idealiżmu jżommna milli nqisu ż-żwieġ bħala dak li hu, jiġifieri “mixja dinamika li fiha wieħed jikber u jirrealizza ruħu”. Għalhekk ma rridux anqas nemmnu li l-familji nistgħu nweżnuhom “biss billi ninsistu fuq kwistjonijiet duttrinali, bioetiċi u morali, bla ma nqanqlu fihom il-ftuħ għall-grazzja” (AL 37). Waqt li jistieden għal ċerta “awtokritika” ta’ preżentazzjoni xejn tajba tar-realtà taż-żwieġ u l-familja, il-Papa jisħaq li hemm bżonn nagħtu spazju lill-formazzjoni tal-kuxjenza tal-fidili: “Aħna msejħin niffurmaw il-kuxjenzi, mhux nippretendu li neħdulhom posthom” (AL 37). Ġesù ppropona ideali esiġenti, imma “qatt ma naqas li bil-ħniena tiegħu jkun qrib lejn il-persuni dgħajfa bħas-Samaritana jew il-mara adultera” (AL 38).

Kapitlu 3: “Ħarsitna fuq Ġesù: il-vokazzjoni tal-familja” (58-88)

It-tielet kapitlu hu ddedikat lil xi elementi essenzjali tat-tagħlim tal-Knisja dwar iż-żwieġ u l-familja. Il-preżenza ta’ dan il-kapitlu hi imporanti għax fi 30 paragrafu juri b’mod sintetiku l-vokazzjoni għall-familja skont il-Vanġelu hekk kif fehmitha l-Knisja maż-żmien, fuq kollox fuq it-tema tal-indissolubbiltà, is-sagramentalità taż-żwieġ, it-trasmissjoni tal-ħajja u l-edukazzjoni tal-ulied. Insibu bosta riferenzi għall-Gaudium et spes tal-Konċilju Vatikan II, l- Humanæ vitæ ta’ Pawlu VI, u l-Familiaris consortio ta’ Ġwanni Pawlu II.

Il-ħarsa hi wiesgħa u tinkludi wkoll “is-sitwazzjonijiet imperfetti”. Fil-fatt naqraw: “Id-dixxerniment tal-preżenza tas-‘semina Verbi’ fil-kulturi l-oħra (ara Ad gentes, 11) jista’ jiġi applikat ukoll għar-realtà taż-żwieġ u l-familja. Barra ż-żwieġ naturali veru hemm elementi pożittivi preżenti fix-xejriet ta’ żwieġ ta’ tradizzjonijiet reliġjużi oħra’, imqar jekk lanqas jonqsu d-dellijiet” (AL 77).

Ir-riflessjoni tinkludi wkoll il-“familji miġruħa” li quddiemhom il-Papa jafferma – huwa u jikkwota r-Relatio finalis tas-Sinodu tal-2015 – li “għandna dejjem niftakru fi prinċipju ġenerali: ‘Ir-ragħajja tal-erwieħ għandhom ikunu jafu, f’ġieħ il-verità, jagħżlu sewwa bejn qagħda u oħra’ (Familiaris consortio, 84). Il-grad ta’ responsabbiltà mhuwiex l-istess f’kull każ, u jista’ jkun hemm fatturi li jillimitaw il-ħila ta’ deċiżjoni. Għalhekk, waqt li nesprimu b’mod ċar x’inhi d-duttrina, għandna nevitaw ġudizzji li jinjoraw il-kumplessità tad-diversi sitwazzjonijiet, u jeħtieġ inkunu attenti għall-mod kif il-persuni qed jgħixu u jbatu minħabba fil-qagħda tagħhom” (AL 79).

Kapitlu 4: “L-imħabba fiż-żwieġ” (89-164)

Ir-raba’ kapitlu jittratta l-imħabba fiż-żwieġ, u dan jagħmlu billi jiddawwal mill-“Innu lill-imħabba” ta’ San Pawl f’1 Korintin 13:4-7. Il-kapitlu hu eseġesi vera u propja, attenta, preċiża, imnebbħa u poetika tat-test Pawlin. Nistgħu ngħidu li hawn għandna ġabra ta’ biċċiet ta’ diskors ta’ mħabba attent biex jiddeskrivi l-imħabba umana f’termini assolutament konkreti. Nibqgħu milqutin mill-ħila ta’ introspezzjoni psikoloġika li biha hi mżejna din l-eseġesi. L-approfondiment psikoloġiku jidħol fid-dinja tal-emozzjonijiet tal-miżżewġin – pożittivi u negattivi – u fid-dimensjoni erotika tal-imħabba. Għandna hawn kontribut estremament għani u prezzjuż għall-ħajja Nisranija tal-miżżewġin, li sa issa ma kont issibu fl-ebda dokument papali ieħor.

Dan il-kapitlu hu bħala trattat ċkejken fi ħdan trattat usa’, tabilħaqq konxju mill-imħabba li tingħax fil-ħajja ta’ kuljum u li tmur kontra kull idealiżmu: “Ma rridux ngħabbu żewġ persuni limitati”, jikteb il-Papa, “bil-piż tremend li jridu jirriproduċu b’mod perfett l-għaqda li teżisti bejn Kristu u l-Knisja tiegħu, għax iż-żwieġ bħala sinjal jimplika ‘proċess dejjem sejjer ’il quddiem li jfittex idaħħal bil-mod il-mod fil-ħajja personali u soċjali kollha kemm hi tal-bniedem kulma jagħti Alla’” (AL 122). Imma mill-banda l-oħra l-Papa jinsisti b’mod qawwi u deċiż fuq il-fatt li “fl-istess natura tal-imħabba konjugali hemm il-ftuħ għal dak li jibqa’ għal dejjem” (AL 123), propju fi ħdan dik it-“taħlita ta’ ferħ u ta’ uġigħ, ta’ tensjonijiet u ta’ mistrieħ, ta’ tbatija u ta’ ħelsien, ta’ sodisfazzjon u ta’ tiftix, ta’ dwejjaq u ta’ pjaċir” (AL 126) li hi ż-żwieġ.

Il-kapitlu jagħlaq b’rifelssjoni importanti ħafna fuq it-“trasformazzjoni tal-imħabba” għax “il-fatt li l-ħajja qed titwal qed ilaqqagħna ma’ xi ħaġa li ma kinitx komuni fi żminijiet oħra: ir-relazzjoni intima u l-appartenenza reċiproka jridu jiġu kkonservati għal erba’, ħames jew sitt deċennji, u dan iġib miegħu l-bżonn li nerġgħu lura biex nagħżlu lil xulxin iktar minn darba” (AL 163). L-aspett fiżiku jitbiddel u l-ġibda bejn il-maħbubin ma tonqosx imma tinbidel: ix-xewqa sesswali maż-żmien tista’ tinbidel f’xewqa ta’ intimità u “kompliċità”. “Ma nistgħux niżguraw ruħna li se jkollna l-istess sentimenti tul ħajjitna kollha. Imma ċertament jista’ jkollna proġett komuni stabbli, nimpenjaw ruħna biex ninħabbu u ngħixu magħqudin sa ma l-mewt tifridna, u ngħixu dejjem f’intimità għanja” (AL 163).

Kapitlu 5: “L-imħabba li ssir għammiela” (165-198)

Il-ħames kapitlu hu kollu kemm hu kkonċentrat fuq l-aspett għammiel u ġenerattiv tal-imħabba. B’lingwaġġ spiritwalment u psikoloġikament profond, insibu diskors dwar kif għandha tiġi milqugħa l-ħajja ġdida, l-istennija fit-tqala, l-imħabba ta’ omm u missier. Imma anki dwar ħajja għammiela iktar wiesgħa, l-adozzjoni, il-kontribut tal-familji biex jippromovu “kultura tal-laqgħa”, il-ħajja fil-familja f’sens wiesa’, bil-preżenza taz-zijiet, il-kuġini, il-qraba tal-qraba, u l-ħbieb. L-Amoris lætitia ma tiffukax fuq il-familja “nukleari”, għax taf sewwa li l-familja hi xibka ta’ relazzjonijiet wiesgħa. L-istess mistika tas-sagrament taż-żwieġ għandha karattru soċjali qawwi (AL 186). U fi ħdan din id-dimensjoni soċjali l-Papa jagħfas b’mod partikulari kemm fuq ir-rwol speċifiku tar-relazzjoni bejn żgħażagħ u anzjani, u kemm fuq ir-relazzjoni bejn l-aħwa bħala żmien ta’ taħriġ fejn wieħed jikber fir-relazzjoni tiegħu mal-oħrajn.

Kapitlu 6: “Xi perspettivi pastorali” (199-258)

Fis-sitt kapitlu l-Papa jaffronta ċerti toroq pastorali li jorjentaw lejn il-bini ta’ familji b’saħħithom u għammiela skont il-pjan ta’ Alla. F’din il-parti l-Eżortazzjoni tirriferi spiss għar-Relazzjonijiet finali taż-żewġ Sinodi u għall-katekeżi tal-Papa Franġisku u ta’ Ġwanni Pawlu II. Jittenna li l-familji huma suġġett u mhux biss oġġett tal-evanġelizzazzjoni. Il-Papa josserva li “il-ministri ordnati spiss huma neqsin minn formazzjoni xierqa biex jittrattaw il-problemi kumplessi tal-familji fi żmienna” (AL 202). Jekk minn naħa hemm bżonn intejbu l-formazzjoni psiko-affettiva tas-seminaristi u ninvolvu iżjed il-familja fil-formazzjoni għall-ministeru (ara AL 203), min-naħa l-oħra “taf tkun siewja (…) ukoll l-esperjenza tat-tradizzjoni twila Orjentali tas-saċerdoti miżżewġa” (AL 202).

Għalhekk il-Papa jaffronta t-tema tal-formazzjoni tal-għarajjes fil-mixja ta’ tħejjija għaż-żwieġ, tat-tisħib tal-miżżewġin fl-ewwel snin tal-ħajja taż-żwieġ (inkluża t-tema tal-paternità responsabbli), imma anki ta’ xi sitwazzjonijiet kumplessi u b’mod partikulari fi kriżi, għax jaf li “kull kriżi tostor warajha aħbar tajba li jeħtieġ nagħrfu nisimgħu billi nsinnu l-widna tal-qalb tagħna” (AL 232). Jiġu miflija ċerti kawżi ta’ kriżi, fosthom id-dewmien ta’ maturità affettiva (ara AL 239).

Barra minn hekk, naqraw dwar it-tisħib tal-persuni abbandunati, separati jew divorzjati, u jisħaq fuq l-importanza tar-riforma riċenti fil-proċessi tal-każi ta’ nullità taż-żwieġ. Tissemma t-tbatija tal-ulied fis-sitwazzjonijiet ta’ kunflitt u jikkonkludi hekk: “Id-divorzju hu ħażin, u jħassibna qatigħ li qed jiżdied l-għadd ta’ divorzji. Għalhekk, bla dubju, il-missjoni pastorali l-aktar importanti li għandna mal-familji hi li nsaħħu l-imħabba u ngħinu biex indewwu l-ġrieħi, hekk li nistgħu nipprevenu li din it-traġedja tkompli tikber fi żmienna” (AL 246). Imbagħad imiss is-sitwazzjoni taż-żwiġijiet imħallta u fejn il-partijiet ikunu ġejjin minn reliġjonijiet differenti, u l-qagħda tal-familji li għandhom fi ħdanhom persuni b’tendenza omosesswali, u jisħaq mill-ġdid fuq ir-rispett lejhom u r-rifjut ta’ kull diskriminazzjoni inġusta u kull xorta ta’ aggressjoni jew vjolenza. Pastoralment prezzjuża hi l-aħħar parti tal-kapitlu: “Meta l-mewt tolqot bin-niggieża tagħha”, dwar it-tema tat-telfa ta’ persuni għeżież u ta’ min jisfa armel.

Kapitlu 7: “Insaħħu l-edukazzjoni tal-ulied” (259-290)

Is-seba’ kapitlu hu ddedikat kollu kemm hu lill-edukazzjoni tal-ulied: il-formazzjoni etika tagħhom, il-valur tal-kastig bħala stimolu, ir-realiżmu paċenzjuż, l-edukazzjoni sesswali, it-trasmissjoni tal-fidi, u b’mod iktar ġenerali l-ħajja tal-familja bħala kuntest edukattiv. Interessanti l-għerf prattiku li joħroġ minn kull paragrafu u fuq kollox l-attenzjoni għall-gradwalità u għal dawk il-passi ċkejknin “li jistgħu jiġu mifhuma, milqugħa u apprezzati” (AL 271).

Hemm paragrafu partikularment sinifikattiv u pedagoġikament fundamentali li fih Franġisku jafferma b’mod ċar li “l-ossessjoni ma tedukax, u ma jistax ikollna kontroll tas-sitwazzjonijiet kollha li fihom jistgħu jsibu ruħhom uliedna (…). Jekk ġenitur hu ffissat biex ikun jaf fejn mar ibnu u joqgħod jikkontrolla l-movimenti kollha tiegħu, ikun qed ifittex biss li jiddomina l-ispazju tiegħu. Hekk ma jkunx jedukah, ma jkunx jgħinu jikber, ma jkunx jippreparah biex iħabbat wiċċu mal-isfidi. Dak li għandu jinteressana l-ewwel u qabel kollox hu li nnisslu fi wliedna, b’ħafna mħabba, modi kif jistgħu jimmaturaw fil-libertà tagħhom, fejn iħossuhom imħejjija, fejn jikbru b’mod sħiħ, u tiġi kkultivata l-awtonomija awtentika tagħhom” (AL 261).

Ta’ min jinnota t-taqsima ddedikata lill-edukazzjoni sesswali, intitolata b’mod tassew espressiv: “Iva għall-edukazzjoni sesswali”. Tisħaq fuq il-ħtieġa ta’ din l-edukazzjoni u tistaqsi “jekk l-istituzzjonijiet edukattivi tagħna għamlux tagħhom din l-isfida (…) f’epoka li tendenzjalment tipprova tibbanalizza u tfaqqar is-sesswalità”. Dan għandu jsir “fil-qafas ta’ edukazzjoni lejn l-imħabba, lejn l-għotja reċiproka” (AL 280). Twissi dwar l-espressjoni “safe sex”, għax din tagħti l-idea ta’ “atteġġjament negattiv lejn il-finalità naturali prokreattiva tas-sesswalità, bħallikieku l-wild li jista’ jiġi fid-dinja kien xi għadu li rridu nipproteġu ruħna minnu. Hekk inkunu nippromovu l-aggressività narċisista flok atteġġjament li fih nilqgħu” (AL 283).

Kapitlu 8: “Insieħbu, niddixxernu u nintegraw id-dgħufija” (291-312)

It-tmien kapitlu hu stedina għall-ħniena u għad-dixxerniment pastorali quddiem qagħdiet li mhumiex iwieġbu b’mod sħiħ għal dak li l-Mulej qed jipproponi. Il-Papa hawn jikteb billi jinqeda bi tliet verbi importanti ħafna: “insieħbu, niddixxernu u nintegraw”, li huma fundamentali biex nistgħu naffrontaw sitwazzjonijiet ta’ dgħufija, kumplessi u irregolari. Għalhekk il-Papa jippreżenta dik il-gradwalità meħtieġa fil-pastorali, l-importanza tad-dixxerniment, in-normi u ċirkustanzi li jnaqqru mid-dixxerniment pastorali, u fl-aħħar dik li hu jsejjaħ il-“loġika tal-ħniena pastorali”.

It-tmien kapitlu hu delikat ħafna. Biex taqrah trid tiftakar li “spiss xogħol il-Knisja jixbah lil dak ta’ sptar fuq il-kamp tal-battalja” (AL 291). Hawn il-Papa jagħmel tiegħu dak li kien il-frott tar-riflessjoni tas-Sinodu fuq temi kontroversjali. Jagħfas fuq dak li hu ż-żwieġ Nisrani u jżid li “xejriet oħra ta’ unjoni jikkontradixxu radikalment dan l-ideal, waqt li oħrajn iwettquh biss b’mod parzjali jew analogu”. Il-Knisja, għalhekk, ma tonqosx li tagħti l-valur li jixirqilhom lill-‘elementi pożittivi preżenti f’dawk is-sitwazzjonijiet li għadhom ma jaqblux jew m’għadhomx jaqblu’ mat-tagħlim tagħha fuq iż-żwieġ” (AL 292).

F’dak li hu d-“dixxerniment” dwar is-sitwazzjonijiet “irregolari”, il-Papa josserva: “Irridu nevitaw ġudizzji li ma jagħtux kas tal-kumplessità tad-diversi sitwazzjonijiet, u jeħtieġ noqogħdu attenti għall-mod kif il-persuni qed jgħixu u jbatu minħabba fil-qagħda tagħhom” (AL 296). U jkompli: “Irridu nintegraw lil kulħadd, irridu ngħinu lil kull wieħed u waħda biex isib il-mod tiegħu ta’ kif ikun parti mill-komunità ekkleżjali, biex kulħadd iħossu oġġett ta’ ħniena ‘li ma mmeritahiex hu, m’għandhiex kundizzjonijiet u hi mogħtija b’xejn’” (AL 297). U mill-ġdid: “Id-divorzjati li qed jgħixu f’rabta ġdida, ngħidu aħna, jistgħu jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet differenti ħafna minn xulxin, li m’għandhomx jiġu kkatalogati jew magħluqin f’affermazzjonijiet wisq riġidi bla ma nħallu wisa’ kif jixraq għal dixxerniment personali u pastorali” (AL 298).

F’din il-linja, waqt li jilqa’ l-osservazzjonijiet ta’ bosta Padri Sinodali, il-Papa jafferma li “l-imgħammdin li huma divorzjati u reġgħu żżewġu ċivilment għandhom jiġu integrati iżjed fil-komunitajiet Insara fid-diversi modi possibbli, waqt li nevitaw kull okkażjoni ta’ skandlu”. “Sehemhom jista’ jesprimi ruħu f’diversi servizzi ekkleżjali (…). M’għandhomx iħossuhom skomunikati, imma jistgħu jgħixu u jimmaturaw bħala membri ħajjin tal-Knisja (…). Din l-integrazzjoni tinħtieġ ukoll għall-għożża u l-edukazzjoni Nisranija ta’ wliedhom” (AL 299).

Fuq livell aktar ġenerali, il-Papa jagħmel affermazzjoni estremament importanti li biha nistgħu nifhmu l-orjentament u s-sens tal-Eżortazzjoni kollha: “Jekk inżommu quddiem għajnejna l-varjetà bla qies ta’ sitwazzjonijiet konkreti (…) nifhmu li ma tistax tistenna mis-Sinodu jew minn din l-Eżortazzjoni xi norma ġenerali ġdida ta’ bixra kanonika, li tista’ tiġi applikata fil-każi kollha. Hu possibbli biss inkuraġġiment ġdid lejn dixxerniment personali u pastorali responsabbli tal-każi partikulari, li għandu jagħraf li, billi l-‘grad ta’ responsabbiltà mhuwiex l-istess f’kull każ’, il-konsegwenzi jew l-effetti ta’ norma mhux neċessarjament għandhom ikunu dejjem l-istess” (AL 300). Il-Papa jelabora b’mod profond x’inhuma l-esiġenzi u l-karatteristiċi tal-mixja ta’ tisħib u dixxerniment fi djalogu qawwi bejn il-fidili u r-ragħajja. Għal dan il-għan, jerġa’ jsejjaħ lill-Knisja biex tirrifletti “fuq x’inhuma l-kundizzjonamenti u ċ-ċirkusanzi li qed iżommuha” fejn tidħol il-kontabbiltà u r-responsabbiltà tal-għemejjel tagħha; hu u jserraħ fuq San Tumas ta’ Aquino, jitkellem dwar ir-relazzjoni bejn “in-normi u d-dixxerniment” billi jafferma: “Hu minnu li n-normi ġenerali jippreżentaw ħaġa tajba li qatt m’għandha tiġi injorata jew ittraskurata, imma fil-formulazzjoni tagħhom ma jistgħux iħaddnu b’mod assolut is-sitwazzjonijiet partikulari kollha. Fl-istess waqt irridu ngħidu li, propju għal din ir-raġuni, dak li jagħmel parti minn dixxerniment prattiku quddiem sitwazzjoni partikulari lanqas jista’ jiġi mgħolli għal-livell ta’ norma” (AL 304).

Fl-aħħar taqsima tal-kapitlu: “Il-loġika tal-ħniena pastorali”, il-Papa Franġisku, biex jevita kull ekwivoku, jisħaq bil-qawwa: “Li nifhmu s-sitwazzjonijiet eċċezzjonali qatt ma jimplika li naħbu d-dawl tal-ideal iżjed sħiħ, lanqas li nipproponu xi ħaġa inqas minn dak li Ġesù jrid joffri lill-bniedem. Illum, iżjed milli pastorali tal-fallimenti, hu importanti l-isforz pastorali biex insaħħu ż-żwiġijiet u hekk nipprevenu t-tifrik tagħhom” (AL 307). Imma s-sens sħiħ tal-kapitlu u tal-ispirtu li l-Papa Franġisku jixtieq jagħti lill-pastorali tal-Knisja hu miġbur tajjeb ħafna fl-aħħar kelmiet: “Nistieden lill-fidili li qed jgħixu sitwazzjonijiet kumplessi biex jersqu b’fiduċja għal kollokju mar-ragħajja tagħhom u ma’ lajċi li qed jgħixu l-għotja sħiħa tagħhom lill-Mulej. Fihom mhux dejjem sa jsibu konferma tal-ideat u tax-xewqat tagħhom, imma żgur jistgħu jirċievu dak li jgħinhom jifhmu aħjar dak li qed jiġri u jistgħu jiskopru mixja li fiha jimmaturaw personalment. U nistieden lir-ragħajja biex jisimgħu bi mħabba u serenità, bix-xewqa sinċiera li jidħlu fil-qalba tad-dramma tal-persuni u jifhmu l-perspettiva li minnha qed iħarsu huma, biex jgħinuhom jgħixu aħjar u jagħrfu x’inhu l-post tagħhom fil-Knisja” (AL 312). Dwar il-“loġika tal-ħniena pastorali” il-Papa Franġisku jafferma bil-qawwa: “Xi drabi jiswielna ħafna li fil-pastorali tagħna nagħmlu wisa’ għall-imħabba bla qies ta’ Alla. Qed inpoġġu wisq kundizzjonijiet għall-ħniena hekk li battalnieha mis-sens konkret u mit-tifsira vera tagħha, u dan hu l-agħar mod kif inġibu fix-xejn il-Vanġelu” (AL 311).

Kapitlu 9: “Spiritwalità tal-miżżewġin u tal-familja” (313-325)

Id-disa’ kapitlu hu ddedikat lill-ispiritwalità tal-miżżewġin u tal-familja, “imsawra minn eluf ta’ ġesti reali u konkreti” (AL 315). Jingħad ċar li “dawk li għandhom xewqat spiritwali profondi m’għandhomx iħossu li l-familja qed tbegħidhom milli jikbru fil-ħajja tal-Ispirtu, imma li hi mixja li l-Mulej jinqeda biha biex iwassalhom fil-quċċata tal-għaqda mistika miegħu” (AL 316). Kollox, “il-waqtiet ta’ ferħ, il-mistrieħ u l-festa, u anki s-sesswalità, jingħaxu bħala sehem fil-milja tal-Qawmien tiegħu” (AL 317). Għalhekk naqraw dwar it-talb fid-dawl tal-Għid, dwar l-ispiritwalità tal-imħabba esklussiva u ħielsa fl-isfida u fix-xenqa tal-koppja li tqatta’ ħajjitha u tixjieħ flimkien, mera tal-istess fedeltà ta’ Alla (ara AL 319). U fl-aħħar, l-ispiritwalità “tal-għożża, tal-faraġ u tal-istimolu”. “Il-ħajja kollha tal-familja hi ‘mergħa’ ħanina. Kull wieħed u waħda, b’għożża, qed ipitter u jikteb fil-ħajja tal-persuna l-oħra” (AL 322), jikteb il-Papa. Hi profonda l-“esperjenza spiritwali li lil kull persuna għażiża għalina nikkontemplawha bl-għajnejn ta’ Alla u fiha nagħrfu lil Kristu nnifsu” (AL 323).

Fl-aħħar paragrafu l-Papa jafferma: “L-ebda familja ma hi realtà perfetta u minsuġa darba għal dejjem, imma titlob żvilupp gradwali ta’ dik il-ħila li wieħed iħobb (…). Ilkoll aħna msejħin inżommu ħajja t-tensjoni lejn xi ħaġa li tmur lil hemm minna nfusna u mil-limiti tagħna, u kull familja għandha tgħix f’dan l-istimolu kostanti. Ħa nimxu, familji, inkomplu mexjin! (…). Ma nitilfux it-tama minħabba l-limiti tagħna, imma lanqas nibqgħu lura milli nfittxu l-milja tal-imħabba u tal-komunjoni mwiegħda lilna” (AL 325).

L-Eżortazzjoni appostolika tagħlaq b’Talba lill-Familja Mqaddsa (AL 325).

Kif diġà nistgħu nifhmu minn analiżi ħafifa tal-kontenut, l-Eżortazzjoni appostolika Amoris lætitia tfittex li tisħaq bil-qawwa kollha mhux fuq l-“ideal” tal-familja, imma fuq ir-realtà għanja u kumplessa tagħha. Qalb il-paġni tagħha hemm ħarsa miftuħa, profondament pożittiva, imsejsa mhux fuq ħsibijiet astratti jew projezzjonijiet ideali, imma fuq attenzjoni pastorali għar-realtà. Id-dokument hu qari tassew għani ta’ spunti spiritwali u ta’ għerf prattiku li jiswew lil kull koppja ta’ bnedmin jew persuni li jixtiequ jibnu familja. Fuq kollox, jidher li hu l-frott ta’ esperjenza konkreta ta’ persuni li jafu b’esperjenza personali x’inhi l-familja u l-ħajja ma’ xulxin għal ħafna snin. L-Eżortazzjoni fil-fatt titkellem bil-lingwaġġ tal-esperjenza u tat-tama.