Minn Marion Zammit – 08/04/16

Mill-Belt tal-Vatikan ġiet ippubblikata l-Eżortazzjoni Appostolika “Il-Ferħ tal-Imħabba”, wara l-analiżi ta’ żewġ Sinodi tal-Isqfijiet dwar il-Familja u Konferenzi Episkopali madwar id-dinja, kif ukoll riflessjoni mill-Iskrittura, kliem Dutturi tal-Knisja u persuni influwenti matul is-sekli.

Kif ġie spjegat f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Vatikan, l-Eżortazzjoni, miktuba kollha kemm hi mill-Papa Franġisku, ma tfittixx li tidentifika l-“familja ideali” imma tafferma r-realtà sinjura u kumplessa tal-ħajja fil-familja, tagħti ħarsa profonda u pożittiva b’attenzjoni pastorali lejn ir-realtà, b’lingwaġġ tal-esperjenza u t-tama.

Għandha doża ta’ għerf prattiku utli għal dawk li jridu jibnu familja u hi riżultat ta’ attenzjoni lejn il-ħajja mgħixa fuq diversi snin.

Hi maqsuma f’disa’ kapitli bi 325 paragrafu li jittrattaw (mhux f’ordni kronoliġika) l-imħabba fiż-żwieġ, l-ulied, l-edukazzjoni tal-ġenituri lejn uliedhom, l-ispiritwalità fiż-żwieġ u l-familja, u riflessjonijiet mal-Iskrittura u mat-tagħlim tal-Knisja.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet ħadu sehem żewġ Kardinali kif ukoll koppja miżżewġa ta’ għalliema.

853127-400xNoneIl-bidla prinċipali

Skont il-Kardinal Christoph Schonborn, li għamel analiżi u riflessjoni tal-Eżortazzjoni Appostolika, il-bidla prinċipali li qed jikkomunika l-Papa hi l-lingwaġġ, l-enfasi fuq l-inklużjoni ta’ kulħadd, il-ħtieġa tal-ħniena, stima u rispett, u r-realiżmu lejn il-familji kif inhuma llum, b’differenza mill-idea xi kull tant astratta li kellha, għal diversi sekli, il-Knisja dwar iż-żwieġ.

L-Eżortazzjoni Appostolika tinsisti li t-triq mhix faċli imma mimlija ferħ, u li kulħadd jinsab f’mixja lejn u ma’ Alla. Il-Papa jagħti attenzjoni wkoll kemm lil dawk li qed jgħixu f’familja fejn iż-żwieġ irnexxa u anke lil dawk li huma meqjusa f’sitwazzjonijiet irregolari.

Fuq kollox, jinsisti li l-familja mhix biss dik nukleari imma anke l-imħabba bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani, u bejn l-aħwa li għandha tkun il-kamp tat-taħriġ għar-relazzjonijiet ma’ ħaddieħor. Il-Papa jinkludi wkoll liz-zijiet, il-kuġini u anke l-ħbieb taħt l-umbrella tal-‘familja’.

Itenni l-konklużjoni tas-Sinodi u jinsisti fuq preparazzjoni tajba qabel u l-ewwel snin taż-żwieġ imma wkoll b’enfasi fuq kif wieħed għandu jittratta l-falliment taż-żwieġ u l-feriti li dan iġib miegħu.

Divorzjati miżżewġin b’mod ċivil

B’mod speċifiku dwar id-divorzjati li jkunu reġgħu żżewġu b’mod ċivil, il-Papa jinsisti fuq integrazzjoni u akkumpanjament pastorali, kontra li jħossuhom skomunikati imma li, bil-maqlub, jiġu milqugħa f’dirgħajn il-Knisja. Jgħid ukoll li r-ragħaj pastorali għandu jimxi b’sens ta’ dixxerniment pastorali u personali ta’ kull każ partikolari.

Familji b’membri omosesswali

L-Eżortazzjoni Appostolika, bħad-dokumenti fi tmiem is-Sinodi, tħares ukoll lejn familji b’membri omosesswali fejn ukoll ittenni l-ħtieġa tar-rispett u kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni inġusta jew aggressjoni jew vjolenza.

Enfasi partikolari fuq l-imħabba

Fuq kollox, l-Eżortazzjoni Appostolika tinsisti fuq l-imħabba, u tibni fuq l-Innu tal-Imħabba li San Pawl kiteb lill-Korintin.

Il-Papa jinsisti fuq l-importanza li l-bniedem jemmen fl-imħabba, li jirrikonoxxi li hi mixja kontinwa u proċess dinamiku li jista’ jikber jew jibred imma wkoll jinbidel u jsir iktar profond maż-żmien speċjalment jekk fil-bażi jkun hemm proġett komuni.

Isemmi l-importanza li l-bniedem iqis l-emozzjonijiet, il-passjonijiet, ir-relazzjonijiet sesswali bejn il-miżżewġin u fuq kollox, l-għan tal-ferħ fil-ħajja kif spjega San Tumas t’Akwinu.