Maħbubin ħuti fi Kristu u San Franġisk,
Ser naqsam magħkom xi ħsibijiet tal-Papa Emeritus Benedettu XVI fuq l-Axxensjoni ta’ Ġesù fis-sema.
Id-dehriet ta’ Ġesù lid-dixxipli, wara il- qawmien tiegħu mill- mewt, kienu testimonjanza li Ġesù ma baqagħx fil-qabar, imma li qed jgħix. Riedhom iwasslu l-aħbar li Hu haj – anzi li Hu l-Ħajja.
Fl-evanġelu skond San Luqa naqraw li qabel ma tela’ s-sema deher lill-appostli, miġbura f’Ġerusalem, li kien għadhom kif ingħaqdu maż-żewġ dixxipli t’Emmaus. Ġesù kiel magħhom, “Imbagħad ħadhom sa ħdejn Betanja, u rafa’ idejħ u berikhom. Ġara li, huwa u jbrikhom, infired minnhom u kien meħud fis-sema. Huma nxteħtu fl-art jagħtuħ qima, u mimlijin bil-ferħ kbir reġgħu lura lejn Ġerusalem, u qagħdu l-ħin kollu fit-tempju jbierku lil Alla.” (Luqa 24, 50-53)
Sorprendenti li d-dixxipli kienu “mimlijin bil-ferħ” minflok imnikta bil-firda minn Miegħu.
Il-ferħ tagħhom ġej mill-fatt li huma ovvjament konvinti ta’ preżenza ġdida u qawwija ta’ Ġesù għaliex jafu li Alla qallu “oqgħod fuq il-lemin tiegħi”. (Atti 2:34; Salm 110:1) Ġesù preżenti b’mod ġdid u permanenti – mod li Alla biss jista’ jkun viċin tal-bniedem. Għalhekk l-Axxensjoni ta’ Ġesù ma tfissirx it-tluq Tiegħu f’ x’inħawi remot tal-kosmos, jew għal xi stilla mbiegħda, imma għal kuntrarju tfisser li Ġesù jidħol f’kommunjoni ta’ setgħa w ħajja m’ Alla ħaj, u f’ dominju fuq l-ispazju. Ġesù ma telaqx, imma bis-setgħa tiegħu ta’ Alla, Hu prezenti magħna u għalina f’ viċinanza dejjiema u qawwija li d-dixxipli jesperjenzaw b’qawwa li timlihom bil-ferħ.
Fl-Atti tal-Appostli naqraw li “huma u jħarsu lejh, kien meħud ‘il fuq, u sħaba ħadithulhom minn quddiem għajnejhom.” Is-sħaba tfakkarna fit-tinda qaddisa tal-Patt il-Qadim, fejn il-preżenza tas-sħaba tindika l-preżenza t’Alla (cf. Eżodu 40:34-35). Tfakkarna ukoll fit-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesù (cf. Matt 17:5) meta s-sħaba għattiet lil Ġesù w iż-żewġ dixxipli Tiegħu. Ir-referenza għas-sħaba hija bla dubju teoloġika u tirrapreżenta id-daħla ta’ Ġesù fil-misteru t’ Alla, f’dimensjoni oħra t’eżistenza, f’dominju divin u lil hinn mill-ispazju.
Għalhekk Ġesù ma telaqniex, imma issa u għal dejjem huwa preżenti magħna u għalina. Dan jgħidulna Hu stess fl-Evanġelu skond San Ġwann fid-diskors qabel il-passjoni Tiegħu: “Jiena sejjer u nerġa niġi għandkom.” (14:28) Dan il-kliem jagħti tifsira lill-misteru tas-Salib, il-Qawmien u l-Axxensjoni. Huma l-essenza tal-fiduċja Nisranija, u r-raġuni tal-ferħ Nisrani
Għal San Ġwann, l-eżaltazzjoni ta’ Ġesù hija fuq is-Salib. Bl-istess mod ‘l-axxensjoni’ tagħna trid tintlaħaq fil-kumpanija ta’ Ġesù msallab. Il- mogħdija m’hiex waħda ta’ spazju, imma hi vjaġġ tal-qalb, permezz tal-Ispirtu s-Santu, mid-dimensjoni ta’ qalb magħluqa fl-isolament tagħha innifisha, għall-dimensjoni ġdida t’ imħabba divina li tħaddan id-dinja kollha.
Paċi u Ġid
Brigitte Attard ofs
0 Comments