KEMM NIXTIEQ NISTA’ NREĠĠA’ L-ARLOĠĠ LURA
Jista’ jkun li l-eta qed tagħmel bija, meta nħares lura lejn il-pittura li għamilt fil-bidu tal-karriera tiegħi, ‘l fuq minn 830 b’kollox, għall-grazzja t’Alla, nara kemm inbidlet il-ħajja u d-drawwiet.
Kif juri dan ix-xogħol, li għamilt fl-1973, kważi 50 sena ilu, u li l-mibki ħabib, P. Marjanu Vella, ofm, kien sejjaħlu, ‘Christ’s Milky Way’. Din kienet xena tat-tfulija, meta kont għadni abbati, u kemm konna nieħdu s-servizz tal-knisja b’serjeta kbira.
Konna mgħallmin tajjeb ħafna, li t-tbatija fid-dinja għad tgħaddi u qed jistenniena l-ferħ tal-ġenna. Qatt ma nistgħu nifhmu dak li San Pawl qalilna, ‘La għajn qatt ma rat, u la widna qatt ma semgħet x’ħejja għalina Alla.’
Iżda jien ippruvajt nimmaġina t-triq tal-ħajja u l-glorja eterna fil-ġenna. Il-purċissjoni tal-vara l-kbira tirrapreżenta t-tbatija fil-ħajja, għalhekk fiha kuluri kesħin, u bini abjad ċass, il-figuri tal-istatwa iebsin u riġidi, kważi tħoss il-piż tal-vara.
Iżda l-purċissjoni hija mixja lejn il-palazz li hemm fil-għoli, jirrapreżenta l-ġenna. Qiesek qed tara xi film ta’ Walt Disney. Biss il-mixja trid l-ewwel tinżel fil-wied tad-dmugħ, kif ngħidu fit-Talba lil Marija: ‘lilek li nibku u nolfqu f’dan il-wied tad-dmugh’, kif qed jindikaw l-abbatini, fil-mixja tagħhom. Dawn qed jintilfu fil-bjuda ta’ misterju, li jirrapreżenta l-misterju tal-ħajja, qabel ma jitilgħu l-aħħar għolja, biex jidħlu fil-palazz sabiħ u tad-deheb.
Jien ma nixba qatt niżżi ħajr ‘l Alla għad-don li tani, u li qed nużah mill-aħjar li nista’ biex nagħti glorja Lilu. Kienet il-pittura li żammitni qrib t’Alla wkoll f’mumenti diffiċli tal-ħajja. Ħafna nbidlet il-ħajja, u wkoll id-drawwiet.
Kemm nixtieq kieku nista’ nreġġa’ l-arloġġ lura, mhux għal-siegħa, iżda għal snin twal, għaż-żmien tat-tfulija. Fil-ħajja kellna ħafna progress, iżda kellna wkoll ħafna rigress. Biss tgħallimt li għandi jkolli fiduċja għamja f’Alla, u nemmen bis-sħiħ meta ngħid; ‘Tkun magħmula r-Rieda Mqaddsa Tiegħek’.
B’hekk biss nistgħu nkunu tassew qed niffurmaw parti minn Christ’s Milky Way.
Tony Mahoney ofs
0 Comments