Jistgħu żewġ kolonni li qed iżommu binja kbira ma jkunux l-istess? Altru li LE. Iżda jekk ikunu tal-istess għoli, u tal-istess forza, jistgħu ikunu, avolja jkunu ta’ stili differenti. Pawlu, Appostlu li qatt ma ltaqa’ ma’ Kristu, mar biex jiltaqa’ ma’ Pietru u Ġakbu fl-ewwel viżta tiegħu lejn Ġerusalemm. Probabbli ħafna li la Ġakbu, lanqas Pietru ma kienu jafdaw dan il-bniedem misterjuż, li f’daqqa waħda iddikjara li huwa l-aqwa Appostlu ta’ Kristu.
Dawk li kienu jimxu wara Kristu, l-aktar li kienu Lhud, u kienu josservaw il-Liġi ta’Mose. Iżda Pawlu kellu ideja differenti: Għaliex il-messaġġ ta’ Kristu m’għandux jasal għand il-Pagani, għand il-Ġentili wkoll? Pawlu kien jaħseb affarijiet oħra wkoll: dawn il-Pagani għaliex għandhom joqogħdu għaċ-ċirkonċiżżjoni jew ritwali oħra barbari tal-Lhud? Naturalment din l-opinjoni ta’ Pawlu weġġgħet xi ftit mis-segwaċi oriġinali ta’ Kristu, u ħassewha bħala offiża. Dawn sossnew li Kristu kien qal li ma kienx ġie biex iwarrab il-Liġi, iżda biex iwettaqha. U propju għal din ir-raġuni Pawlu mar Ġerusalemm biex jaqtgħuha darba għal dejjem mal-mexxejja tal-muviment, Pietru u Ġakbu.
Iltaqgħu u tkellmu, waslu għall-ftehim u ħadu b’idejn xulxin. Il-Pagani se jkunu aċċettati. Waslu għall-kompremess: Pietru u Ġakbu kellhom jippriedkaw lil-Lhud, u Pawlu lill-Pagani. Dana kien ikkonfermat minn Pawlu nnifsu fit-Tieni Ittra tiegħu lill-Galatin u wkoll fl-Atti, kapitlu 15. Allura issa kollox kien miexu tajjeb? Lanqas xejn. Fl-Ittra 2 lill-Galatin, kapitlu 2, Pawlu jgħid dwar l-istonatura ta’Pietru. Pawlu kiteb li waqt li kien Antijokja Pietru kiel mal-Pagani, iżda meta waslu d-delegati li kien bagħat Ġakbu, Pietru żamm ruħu lura mill-Pagani, minħabba d-delegati ta’ Ġakbu. Meta ra hekk, Pawlu ħadha bi kbira u ta ħasla ‘l Pietru. Naturalment Pietru reġa’ bdielu dwar il-Pagani, forsi għax id-delegati kienu xi ftit fundamentalisti u ma jagħlqux għajnejhom għal kollox.
Għalkemm il-Knisja Universali tiċċelebra l-Festa tagħhom flimkien, għax kienu żewġ ġganti fil-bidu tal-Knisja, ma tantx kienu jifthemu bejniethom. B’dana kollu f’kull Bażilika nsibu fuq il-presbiterju żewġ kolonni li jżommu l-abside, il-parti ta’ wara l-artal. Bi dritt dawn iż-żewġ kolonni jirrapreżentaw lil Pietru ‘l Pawlu, li fuqhom inbniet il-knisja.
Tony ofs
0 Comments