1 ta’ Diċembru 2016

Lill-ġenituri/gwardjani tat-tfal,

F’dan iż-żmien sabiħ tal-Milied, ma nistgħux ma naħsbux fit-tifkiriet ħelwin tat-tfulija tagħna. Kemm attivitajiet, logħob u purċissjonijiet ħadna sehem fihom! Huwa bix-xieraq li lit-tfal tagħna wkoll ngħadduhom din l-imħabba għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied. Għalhekk fil-Parroċċa tagħna qed jiġu organizzati diversi attivitajiet speċjali għat-tfal u nħeġġukom biex fejn huwa possibbli ġġibu lit-tfal tagħkom sabiex jipparteċipaw.

Bħalma tafu diġà hemm għaddejja l-inizjattiva sabiħa fejn it-tfal qed jagħmlu kartolina tal-Milied li se jingħataw lill-anzjani tal-Parroċċa u persuni li ma jistgħux joħorġu minn djarhom. Ser issir in-novena għat-tfal fiċ-Ċentru mill-15 ta’ Diċembru sat-23 ta’ Diċembru fil-5.00pm. Se tiġi organizzata wkoll dimostrazzjoni tal-Bambin fit-toroq tal-Parroċċa nhar il-Ħadd 18 ta’ Diċembru fid-10.15am. Tistgħu tipparteċipaw fil-quddiesa tad-9.30am, jew tal-11.00am.

Fil-lejl tal-Milied se ssir velja (stennija) qabel il-quddiesa ta’ nofs il-lejl. Se tibda’ fil-11.15pm. Huwa veru li l-ħin huwa tard u ċ-ċelebrazzjoni hija twila, iżda din is-sena ħsibna biex ninvolvu lit-tfal kollha biex tkun aktar ħajja u sabiħa. It-tfal kollha nħeġġuhom biex jilbsu kostum tal-Milied bħal rgħajja, anġli, Slaten Maġi, etc. Min ma għandux kostum jista’ jkellimna biex jingħata wieħed mill-Parroċċa. Se jsiru xi provi ta’ din l-okkażjoni fil-jiem li ġejjin biex it-tfal ikunu jafu x’għandhom jagħmlu.

Se jingħataw tifkira u ritrat wara attività tal-lejlet il-Milied biex jibqgħu tifkira.

Għalhekk insejħulkom, għeżież ġenituri/gwardjani, biex ma toqgħodux lura u kemm jista’ jkun ħeġġu lit-tfal tagħkom biex ikunu attivi f’dawn l-attivitajiet sbieħ tal-Milied. B’hekk huma wkoll iħaddnu mħabba lejn din il-festa tant speċjali, u fuq kollox lejn it-tarbija ta’Bethlehem, il-Bambin Ġesù!

Filwaqt li nittamaw li tilqgħu l-istedina tagħna, nixtieq nieħu din l-okkażjoni biex nixtiqilkom l-isbaħ xewqat għal Milied hieni u qaddis lilkom u lill-familji tagħkom!

Il-Mulej jagħtikom is-Sliem!

Patrijiet Franġiskani Sliema