Maħbubin ħuti fi Kristu u San Franġisk,
Nixtieq naqsam magħkom ftit ħsibijiet tal-Papa Emeritus Benedettu XVI fuq il-kliem tat-Talba tal-Missierna, li hi magħmula minn tislima u seba’ petizzjonijiet – tlieta orjentati lejn Alla u erbgħa lejna, il-ħolqien tiegħu.
Il- Missierna hija talba Trinitarja għaliex hija talba li nitolbu ma’ Ġesù, lill-Missier, permez tal-Ispirtu s-Santu. Nistgħu nsejħu lil “Missierna” għaliex Ġesù għex, kien ħuwna, u ta ħajtu biex nerġgħu nsiru ulied Alla. L-essenza t’Alla l-Missier tinsab fil-perfezzjoni li tintlaħaq fl-imħabba tal-għedewwa, bħal dik ta’ Ġesu, li tagħmilna ulied Alla. Ġesu jistedinna ngħixu din ir-realtà li tagħti tifsira u ġieħ lill-eżistenza tagħna, f’relazzjoni t’imħabba ma’ kull bniedem ieħor. “(L)i inti fis-smewwiet” iġġielna nammettu li Wieħed Hu li ħalaqna lkoll: “U ssejħu lil ħadd missierkom fuq din l-art, għax il-Missier wieħed hu, dak li hu fis-smewwiet.”(Mt 23:9) B’hekk Il-ħitan ta’ bejnietna jaqgħu u titnissel il-paċi bejn l-aħwa.
Fl-ewwel petizzjoni, “jitqaddes Ismek”, nitolbu lil Missierna biex jgħinna nżommu t-tieni Kmandament. Meta naħsbu kemm jitkasbar dan l-Isem, bl-akbar reverenza nitolbuĦ ma jħallinex inħammġu l-purità t’Ismu u ma nerħux s-santità tad-dawl t’Ismu fid-dinja jintefa’. Fit-tieni petizzjoni “tiġi saltnatek”, nitolbu għall- qalb li tisma’, qalb miftuħa biex tilqa’ lil Gesu biex fiĦ nissottomettu ruħna lill-Missier, biex Hu, u mhux aħna, jsaltan. It-tielet petizzjoni “ikun dak li trid Int, fis-sema kif ukoll fl-art”, tgħallimna li Alla għandu pjan għalina.
Dinja fejn ir-rieda t’Alla tiġi aċċettata, fil-milja tagħha u b’idejn miftuħa, tissejjaħ il-ġenna jew is-sema. Il-fehma t’Alla hija minsuġa f’qalb il-bniedem: “Dawn juru b’għemilhom li l-preċetti tal-Liġi huma miktuba f’qalbhom, u dan tixhdu wkoll il-kuxjenza u r-raġuni tagħhom, li issa jakkużaw u issa japprovaw għemilhom.” (Rom 2:15) Ħafna drabi il-kuxjenża tirriżika li tiġi mitfija taħt l-irmied tal-preġudizzji miġmugħa ġewwa fina. In-noti tal-eżistenza tagħna – l-Għaxar Kmandamenti – nistgħu nsarfuhom f’ ħajja ta’verità, u nitbegħdu mill-falzità li twassalna biex inkissru lilna nfusna u lil xulxin. Għalhekk f’din il-petizzjoni nitolbu li r-rieda t’Alla tgħeleb l-egoiżmu tagħna u tgħinna nilħqu s-sejħa tagħna għall-perfezzjoni.
“Ħobżna ta’ kuljum Agħtina llum” hija r-raba’ petizzjoni u għalkemm Ġesu jgħid lid-dixxipli tiegħu“ (T)inkwetawx ruħkom għal ħajjitkom, x’se tieklu jew x’tixorbu” (Mt 6:25) xorta waħda jistedinna nitolbu għall-bżonnijiet tagħna, biex bi spirtu t’umiltà, inpoġġu l-bżonn tagħna f’idejĦ. Għalkemm il-hobż huwa ‘frott tal-art u xogħol ta’ jdejna’, l-art ma tatix frott mingħajr ix-xemx u x-xita – li mhumiex fil-kontroll tagħna. Nitolbu għalhekk biex ma naqgħux fit-tentazzjoni tal-kburija, u naħsbu li ħajjitna qiegħda f’idejna, għax il-kburija u s-suppervja tagħmilna vjolenti u bla qalb lejn xulxin.
Jekk insejħu lil-Missierna fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ikla Mqaddsa, ma nistgħux ma nikkommettux ruħna biex ngħinu lil-ħutna il-bnedmin jottjenu l-bżonnijiet tagħhom ta’ kuljum: “Agħtuhom intom x’jieklu” (Mk 3:37). Fid-dimensjoni tal-liturgia tal-Quddiesa, f’din il-petizzjoni nitolbu biex ma ninfirdux mill-Ġisem ta’ Kristu fl- Ewkaristija li neħtieġu għall-fejqan ta’ ruħna.
Brigitte Attard OFS
0 Comments