Maħbubin ħuti fi Kristu u San Franġisk
Fost il-kotba li qrajt matul il-jiem sħan u twal tas-sajf, ‘Ġesu ta’ Nażaret’ ta’ Papa Benedettu XVI inspirani li naqsam magħkom xi ftit ħsibijiet tal-Papa Emeritus fuq it-talb u t-talba tal-Missierna. It-talb, li huwa kliem ta’ mħabba bejna u bejn Alla, m’għandux ikun okkażżjoni biex nidhru, imma jirrekjedi d-diskrezzjoni, li hija essenzjali għal kull relazzjoni ta’ imħabba. Ir-relazzjoni t’Alla ma’ kull wieħed minna hija personali w unika, u għalhekk ma tistgħax tiġi rrivelata lil ħaddieħor.
Madankollu, it-talb fil-privat u għall-komunità mhux eskluż. Il-Missierna hija talba fl-ewwel persuna plurali. Meta nsiru parti mill ‘aħna’ insiru parti mill-Poplu t’Alla, u għalhekk il-personali u l-kommuni jintisġu flimkien kif iseħħ fil-Missierna. Għalkemm relazzjoni bejn raġel u mara hija totalment personali u tirrikjedi diskrezzjoni biex tiġi protetta, ir-relazzjoni tat-tnejn fiż-żwieġ u l-familja, minn natura tagħha stess titlob responsabiltà ċivika. Hekk ukoll fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla, l-‘aħna’ tal- komunità fit-talb, u l-intimità ta’ kull persuna ma’ Alla fit-talb, huma minsuġa flimkien.
Minħabba d-differenza enormi bejna u bejn il-kobor u l-misteru t’Alla, Ġesu jgħinna billi jagħtina l-kliem tat-talb u jgħallimna nitolbu biex b’hekk noqorbu lejĦ. Permezz tat-talb tagħna ma’ ħutna, bil-mod il-mod insiru nafuĦ u noqorbu lejĦ. Is-Salmi huma ktieb kbir ta’ talb tal-Poplu t’Alla tat-Testment il-Qadim kif ukoll tal-Ġdid. Is-Salmi huma kliem mogħtija lill-bnedmin mill-Ispirtu s-Santu – l-Ispirtu t’Alla jsir il-Kelma. Għalhekk nitolbu fl-Ispirtu ma’ l-Ispirtu s-Santu. Hekk ukoll fil-Missierna. Meta nitolbu l-Missierna qed nitolbu lill-Missier bil-kliem Tiegħu stess, għalhekk “fl-Ispirtu w l-verità” (Gw 4:23) bil-kliem li tagħna Ġesu biex permezz tagħhom jagħtina l-Ispirtu s-Santu.
L-Evanġelju ta’ Luqa jgħidilna li Ġesu kien qiegħed jitlob u meta temm, wieħed mid-dixxipli tiegħu qallu: “Mgħallem, għallimna nitolbu” (Lq 11:1). Id-dehra ta’ Ġesu jitlob iqajjem fid-dixxipli ix-xewqa li jagħllimhom jitolbu. Il ministeru ta’ Ġesu huwa mrawwem fit-talb u sostnut bit-talb. Il-ġrajjiet fil-ħajja ta’ Ġesu huma kollha ġrajjiet imsejsa fit-talb – ġrajjiet li jitfgħu dawl fuq il- misteru Tiegħu, pereżempju, it-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesu (Lq 9:28). Għaldaqstant. il-fatt li Luqa jpoġġi il-Missierna fil-kuntest tat-talb ta’ Ġesu, jiġifieri fil kuntest tad-djalogu bejn l-Iben u l-Missier, huwa sinjifikanti tassew. Il-Missierna twassalna f’fond ħafna lil hinn mill-kliem. Ġesu jinvolvina fit-talb Tiegħu stess: iwassalna fid-djalogu tal-imħabba Trinitarja; iwassal it-toqol u t-tbatija tagħna fil-qalb t’Alla. Dan ifisser ukoll li l-kliem tal-Missierna juruna kif għandna ngħixu, bil-għan li nsiru nixbħu lill-Iben. Għalhekk il-Missierna mhix formola ta’ kliem, imma għandha l-għan li tifformana u trawwimna fl-attitudni interjuri ta’ Ġesu.
Permez tal-Missierna niftħu qalbna biex nitgħallmu l-mod partikolari li Ġesu jixtieq jitlob magħna fir-relazzjoni tagħna personali m’Alla. Din ir-relazzjoni m’ghandiex tissakkar fil-konfini ta’ mumenti ta’ talb, imma għandha tkun preżenti kontinwament fl-affarijiet u l-ħsibijiet tagħna ta’ kuljum – komunjoni siekta interjuri. Aktar ma l-qalb tkun tħares lejn Alla, aktar inkunu nistgħu nitolbu. Aktar ma’ nqiedu t-talb fiċ-ċentru ta’ ħajjitna, aktar insiru bnedmin ta’ paċi. Aktar ma nissaportu wġiegħ, aktar nkunu nistgħu nifhmu w ngħinu lill-oħrajn. Il-preżenza siekta t’Alla fil-ħsieb tagħna, fl-aġir tagħna u fil-meditazzjoni tagħna jsir talb mingħajr waqfien. Din hi l-mħabba t’Alla, li hi l-kondizzjoni u l-bażi tal-imħabba tal-proxxmu.
Inselli għalikom u nixtieqilkom kull paċi u ġid.
Brigitte ofs