Maħbubin ħuti fi Kristu u San Franġis
Is-Suppervja, il-kburija u l-arroganza huma ostakli għall-ħajja nisranija tajba. Ġesù, fl-abbundanza tal-ħniena tiegħu, jiġi għandna lejl u nhar u jgħammar f’ruħna bil-ferħ meta din tkun miftuħa għalih. L-anqas fl-akbar taqbida ma’ jonqos li Ġesù jiġi għandna. Imma ħaġa waħda, speċjalment, żżomm lil Ġesù l-bogħod – is-suppervja.
Is-suppervja hija omm id-dnubiet kollha għaliex hija egoiżmu. Meta wieħed ikun kburi u supperv iħares biss lejn l-interessi tiegħu u jikkonċerna ruħu biss bih innifsu. Il-problema hi li aħna maħluqin minn Alla għall-fini li nagħtu lilna infusna lil ħaddieħor, ghalkemm m’hix fin-natura tagħna li nagħtu lilna nfusna b’rigal għal ħaddieħor.
Wieħed jiskopri biss min verament hu, meta jagħti lilu nnifsu lil Alla u lil ħaddieħor, u permezz ta’ dan jilħaq l-għan li għalih kien maħluq. Is-suppervja tiżolana u ma terħiex post għal ħaddieħor, l-anqas għal Alla. Għalhekk il-kburija, li tfittex u tiġri wara l-egoiżmu, fil-fatt għandha l-effett li tkissirna u teqridna.
Meta nirriflettu fuq id-dnub tal-kburija insibu li din tagħtina opinjoni żbaljata tana nfusna – idea żbaljata ta’ dak li m’aħniex; tagħtina attitudni superjuri fi ħsibijietna, fi kliemna u fl-aġir tagħna; imnieħerna mxammar u nġibu ruħna b’disprezz lejn ħaddieħor, speċjalment lejn dawk soċjalment inferjuri; nippretendu li għandna nkunu stmati aħjar minn ħaddieħor u niġu dejjem l-ewwel; nippretendu rikonoxximent.
Is-suppervja ma terħiniex naċċettaw parir u ġġiegħelna naħsbu li dejjem għandna raġun, u kif naħsbu aħna dejjem korrett; rridu dejjem nikkmandaw u nikkontrollaw; nargumentaw għal kull ħaġa ta’ xejn, u nkunu offensivi fl-argumenti tagħna.
L-arroganza tiftħilna t-triq biex nitkellmu b’disprezz fuq l-oħrajn, biex nigdbu fuqhom u biex nxandru id-difetti tagħhom; ma nkellmux lil xi persuna li nħossu li offendietna; nkunu sensittivi żżejjed u nieħdu għalina għal kull ħaġa ta’ xejn.
It-talb u l-penitenza jgħinuna nirriflettu sinċerament fuq l-egoiżmu – dnub mnissel mill-kburija – biex ninħelsu minn dan il-hemm u nsibu lilna nfusna kif verament aħna. Għandna nitolbu l-għajnuna ta’ Ġesù biex nfittxu il-ġid ta’ ħaddieħor bl-umiltà u bis-sinċerità. Dan nagħmluh billi nagħtu lilna nfusna lil Ġesù u lill-oħrajn: bi kliem San Franġisk “għax meta nagħtu aħna naqalgħu, għax meta naħfru aħna nkunu maħfura.”
Paċi u ġid,
Brigitte Attard ofs
0 Comments