Għeżież ħuti f’San Franġisk,

L-imħabba hija affezzjoni li l-bniedem ma jistax ma jitwilidx biha, għax minn nefaħ fuqu u tah il-ħajja huwa kollu kemm hu mħabba. Meta persuna nieqsa mill-imħabba tgħid li hi qatt ma kellha mħabba f’ħajjitha tkun qed tiżbalja għax dejjem anzi minn qabel twieldet kellha lill Mulej Missierna jħobbha.

Tgħidlek jekk jien ma nafux lill-Mulej kif naf li huwa jħobbni. Hawn toħroġ ir-risposta meta Ġesu’ qal lill-appostli, “Min ma għarafx lili ma jagħrafx lil Missier u min jagħraf lili jagħraf lil Missier”. Veru forsi fiċ-ċokon tagħna ma naslux biex nagħrfu lill-Alla l-Missier, iżda lil Ġesu mhux biss nafu min hu iżda nafuh. Il-Missier Alla għalhekk bagħat lill-ibnu fid-dinja bħala bniedem imwieled minn mara biex ngħarfuh għax bniedem bħalna, u b’hekk ngħarfu lil-Missier Alla.
Ġesu għalkemm twieled f’ambjent fqir xorta f’dak l-ħin li twieled “Ġab il-paci fl-art u lid-dinja kollha”. U li tkun fil-paci mhix turija ta’ mħabba? Fl-immaġinzzjoni fqira tiegħi ma nistax nara lil Ġesu’ tfajjel jinki, jgħajjar jew jinsulta lil xi tifel bħalu, lil xi ħadd b’diżabalita jew xi xwejjaħ. Ma nimmaġinahx jinkwieta lil ommu jew iweġġa qalb missieru bħall-iben il-ħali.
Minn meta beda l-ħajja pubblika beda jxerred kliem ta’ mħabba u paċi, tema’ lil min kien bil-ġuħ, fejjaq nies mill-mard u d-diżabilita, illibera lill-imxajtna u sa qajjem nies mill-mewt. Kemm tħassar nies għax kienu mdejjqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj u kemm beka għall-aħbar
tal-mewta ta’ ħabibu Lażżru.

Qalilna, “Aktar minn hekk tħobbux biss lil min iħobbkom għax anka l-pagani jagħmlu hekk iżda ħobbu lill-proxxmu tagħkom kollu u lill-għedewwa tagħkom” Iżda l-akbar eżempju ta’ mħabba ħareġ miċ-ċenaklu fil-preparazzjoni tiegħu qabel ħa l-passjoni u l-mewt għalina. Qabel ma’ l-appostli ngħaqqdu madwar il-mejda Ġesu umilja lilhu n-nifsu billi dawwar fardal ma’ qaddu, tbaxxa għarkuptejh mall-art u ħasel riġlejn id-dixxipli.

Tagħna kmandament ġdid meta qalilna biex inħobbu lill-ħaddieħor bħalma ħabbna Hu u inħobbu kif irridu min iħobb lilna. Ħafer lill-Ġuda qabel ma’ mar biex jittradih billi tah jiekol loqma ħobż li bill fil-platt tiegħu b’turija ta’ ħbiberija.

Il-Kobor tal-imħabba tiegħu rajniha meta Ġesu’ biex jibqa’ magħna tagħna lilu n-nifsu bil-ġisem u d-demm fl-Ewkaristija, tagħna s-saċerdozzju u s-sagrament tar-rikonciljazzjoni.

Waqt il-passjoni ħarxa tiegħu ħafer lil Pietru wara li ċaħdu tlett darbiet, u lil kull min kien kaġun għall-passjoni u l-mewt tiegħu, meta lill-Missier Alla qallu “Aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu”. L-aħħar rigal ta’ mħabba li ħallilna fit-testment tiegħu qabel ma miet, kienet meta tagħna lil ommu Marija bħala omm tagħna biex tħobbna, u tindukrana f’ħajjitna u tidħol għalina bħala avukata tagħna fil-ġudizzju universali.

Biex naraw kemm hi kbira l-Ħniena Divina tiegħu l-Mulej lil Sor Fawstina qalilha, “Qalbi tfur bi ħniena kbira għall-erwieħ u l-aktar għall-imsejkna midimbin. Mhux li kieku jistgħu jifhmu li jiena l-aħjar Missier għalihom u li għalihom ħarġu demm u ilma minn qalbi bħallikieku minn għajn tfawwar bil-ħniena. Jiena nixtieq ngħati l-Grazzji Tiegħi lill-erwieħ imma huma ma jridux jaċċettawhom”.

Mela meta issa sirna nafu u għarafna din l-imħabba kbira li Ġesu’ għandu għalina, meta bata u miet fuq is-salib biex jifdina ma nistgħux ngħidu li lil Missier Etern ma nafuhx. Jekk ma naċċetawx l-imħabba ta’ Alla, ma jkollniex dik l-imħabba ġewwa fina biex inkunu nistgħu nxerduha u naqsmuha ma dawk ta’ madwarna u naqgħu f’dak li jgħid missierna San Franġisk li l-imħabba kollha tbatijja ta’ Ġesu’, tispiċċa bħala mħabba mhux maħbuba.

Il-Mulej magħkom

Joe Gatt O.F.S.