Il-Ħolqien: In-Natura u l-Bniedem

Fi żmien ir-Rebbiegħa nibdew ninnotaw ir-riġenerazzjoni tan-natura. Mil- bidu taż-żmienijiet in-natura kienet post is-sbuħija, is-serħan u ir-riġenerazzjoni.

Fil-Ġenesi nsibu li Alla ħalaq id-dinja fl-ordni u fl-armonia.  Alla jinsab fiċ-ċentru ta’ din l-armonija bejn il-ħolqien, u r-rispett u r-responsabiltà tal-umanità għall-ħolqien.  Id-dnub ikisser din l-armonija għaliex il-bżonnijiet immedjati tal-bniedem jieħdu preċedenza fuq l-Ispirtu t’Alla.  Il-ħajja mgħijxa b’ responsabiltà trawwem il-ġid komuni u tippromwovi l-ġustizja.

Alla innifsu ipasseġġa fil-ġnien tal-Eden biex jiggosta l-ħolqien: “U semgħu ħoss il-Mulej Alla jitlajja fil-ġnien għaż-żiffa tal-jum” (Ġen:3,9)  Ikkmandana biex nieħdu ħsieb il-ħolqien:  “U l-Mulej Alla ħa lill-bniedem fil-ġnien ta’ l-Għeden biex jaħdmu u jħarsu.” (Ġen: 2, 15)  Huwa l-istess Alla li jimxi mal-poplu Tiegħu  u jwettaq il-weghda Tiegħu ta’ salvazzjoni permezz t’ Ibnu Ġesù, preżenti fl-Ewkaristija.   Dan is-sagrifiċċju salvifiku jirriġenera l-Knisja u jfakkarna fil-vokazzjoni oriġinali tagħna, li nżommu l-armonija u l-ordni fid-dinja, permezz ta’ ħajja qaddisa u ta’ impenn fil-kommunità.

L-individwu jiffjorixxi meta jipparteċipa fil-ħajja komuni.  Il-fatt li jkun sensittiv għall-ambjent u n-nies ta’ madwaru, tgħinu jħoss il-preżenza t’Alla fil-ħolqien.  Għall-kuntrarju n-nuqqas ta’ konnessjoni mal-ambjent u l-bżonnijiet tas-soċjetà, minħabba r-rebgħa, twassal għan-nuqqas ta’ konnessjoni mal-Awtur tal-Ħolqien, li Hu il-bidu ta’ kull dinjità umana.

L-iżvilupp ekonomiku eċċeda l-limiti, għad-detriment tal-ambjent u l-kwalità tal-ħajja, bi żvilupp bla rażan u s-setgħa tal-flus.  Dan huwa progress falz li għandu jitrażżan permezz tad-djalogu u ritorn għall-valuri li fasslu n-nazzjon.

L-effetti tal-Covid-19 wessgħu d-distanza bejn il-fqir u l-għani.  Il-konservazzjoni tal-ħolqien, u l-faqar u l-ġustizja soċjali huma konessi.  Foresti u sistemi ekoloġiċi f’saħħithom, u għonja fil-biodiversità, irawwmu inqas mard virulenti.  Meta il-bniedem jidħol f’art selvaġġa u jeqred is-sistemi ekoloġiċi, jiġi f’kuntatt ma’ annimali li bil-biza’ li ġew imkeċċija mill-ambjent naturali tagħhom, iwaqqgħu aktar mard virulenti.  Postijiet selvaġġi għonja fil-biodiversità naturali huma parti mis-sistema ta’ reġenerazzjoni tad-dinja.

L-istorja u l-identità tagħna bħala nazzjon tgħina nifhmu l-problemi ekologiċi u soċjali tagħna fid-dawl ta’ żminijiet mgħoddija.   Meta wieħed ma jitlifx l-identità tiegħu ikun kapaċi jikkumbatti l-inġustizzji.  Il-memorji tad-diffikultajiet tal-passat huma neċessarji biex niddixxernu s-sitwazzjonijiet diffiċli tal-preżent, biex nieħdu ħsieb l-identità tagħna, lil-pajjiżna u lill-komunità kollha, u biex nindunaw li Alla huwa dejjem preżenti magħna.

Paċi u ġid,

Brigitte Attard ofs