IL-ĦOLM… DEJJEM IKUN ĦOLM?

Ftit huma dawk li ma jħobbux il-ġobon, l-aktar daż-żmien meta għandna għażla kbira ta’ dan l-ikel: gruyere, mascarpone, parmiġġjan, brie, feta, gouda, emmental, cheddar, mozzarella u ħafna oħrajn. Interessanti ħafna hija dak li qal Alfred Hitchcock, il-magħruf drammaturgu. Darba stqarr li qabel jorqod kien jiekol ħafna ġobon għax permezz t’hekk kien joħlom ħafna ikreh. Mela, Hitchcock kien iġib l-ideat tad-drama li kien jikteb, mill-ġobon!

Sar, u għadu jsir ħafna studju dwar il-ħolm. Meta kont għadni nistudja kont naqra dwar it-teoriji ta’ Sigmund Freud li ħareġ fl-1900. Lanqas ma se nidħol fil-proċess fiżjoloġiku tal-ħolm u fir-REM (rapid eye movement). Se nitkellem dwar esperjenzi personali li jikkonfermaw dak li tgħallem il-Knisja dwar l-egħżież tagħna li bdew ħajja ġdid. Qed nikteb dan, illum il-31 ta’ Lulju. Għal ħafna llum hija ġurnata oħra tas-sajf. Iżda għalija u għal marti, Vivienne, huwa jum speċjali ħafna. Għall-grazzja t’Alla, illum nagħlqu 59 sena miżżewġin. Daqshekk ilna nieħdu paċenzja b’xulxin, kif kien qalilna Patri Tonin, li żewwiġna, ‘for better and for worse’. Nerġgħu nitkellmu bis-serjeta. Dal-lejl ħlomt li qiegħed f’okkażżjoni speċjali, bil-mistednin madwarna għax konna qed niċċelebraw l-Anniversarju taż-żwieġ tagħna. F’daqqa waħda rajt miexi lejja ‘l Kevin (li ilu f’ħajja aħjar ħames snin). Kevin kien liebes pulit, fuq xufftejh kellu dik it-tbissima ħelwa, li kien magħruf għaliha. Jien ferħan se ntir u eċitat ersaqt lejh u għidtlu: ‘Kevin, kemm ilna ma narawk, hawn fejn sejjer?’ Bl-istess tbissimha, waqt li resaq lejja qalli: ‘Ġejt hawn għall festa tal-anniversarju’. Jien weġibtu: ‘Kemm qed nifrah u kemm se tifraħ il-mama.’ F’daqqqa waħda Kevin ma deherx aktar u jien imbellaħ bdejt insaqsi: ‘Fejn hu Kevin, fejn hu Kevin?’ Stenbaħt.

Le, ma qomtx imdejjaq jew diżappuntat, anzi kuntent li ħassejtni se ntir. Issa l-kbir għadu ġej. Dalgħodu, ġiet Nicki, il-mara (l-armla) ta’ Kevin, biex ġabitilna  rigal tal-okkażżjoni. Naturalment għidtilha bil-ħolma ħelwa li kelli matul il-lejl. Hi baqgħet tisma’ b’għajnejha miftuħin beraħ imsammrin fuqi. Kif spiċċajt ir-rakkont tiegħi, Nicki tbissmet u qaltilna hekk: “Ma temmnunix, dal-lejl qabel irqadt kont qed nitkellem ma’ Kevin, kif nagħmel is-soltu, qabel norqod.  Jien għidtlu: ‘Tinsiex Kevin, li għada huwa l-anniversarju tal-mummy u d-daddy tiegħek, se jagħlqu 59 sena miżżewwġin. Ara x’rigal sabiħ tagħtihom kieku kellhom joħolmu bik. Ara kemm tferraħhom.’  U kelli noħlom bih waqt il-festin tal-okkażżjoni. Le, il-‘Ħolm mhux dejjem Ħolm’, mhux dejjem l-effett ta’ stonku mgħobbi, jew l-effett tal-ġobon, kif kien għal Hitchcock.

Nsibu ħafna episodji fl-Iskrittura fejn Alla nqegħda bil-ħolm biex jagħti messaġġi. Għalija l-messaġġ ta’ din il-ħolma huwa li l-għeżież,  li bdew ħajja ġdida għadhom magħna, jisimgħuna, jgħinuna u jagħtu kasna. Nista’ nikteb ktieb sħiħ dwar dak kollu li għaddejjna minnu aħna, bħala familja, martu Nicki u ż-żewġ uliedu, dawn l-aħħar ħames snin li Kevin beda ħajja ġdida … affarijiet li ma jitwemmnux. Le, il-Ħolm mhux dejjem ikun Ħolm. Trid forsi tgħaddi mill-esperjenza simili biex temmen dan kollu.

Tony Mahoney, ofs