Il-Beatu Lucien Batovasoa
Luċien Batovasoa twieled f’1908 ġewwa ir-raħal ta’ Vohipeno, f’Madagasċar. Il-misjunarji tal-post innutaw li Luċien kellu talenti speċjali u bagħatuh jistudja għand il-Ġiswiti biex jiġi imħarreġ bħala għalliem. Kellu ħafna talenti barra ta’ għalliem. Kien mużiċista, kantant, sportiv kbir u lingwista. Kien jitkellem b’ħames lingwi, Ċiniż; Ingliż; Franċiż; Ġermaniż u Latin. Kien iħobb jagħlaq il-lezzjonijiet tiegħu bi storja ta’ xi qaddis, speċjalment ta’ xi Martri. Il- qaddisin Martri kienu jaffaxxinawh. Kemm-il darba stqarr ma’ martu u ma’ missieru x-xewqa tiegħu li jħalli ħajtu għal Alla. Ħaġa li kienet is-sewwidlu qalbu kienet il-firda minn mal-familja.
Luċien iżżewweġ lill Suzanna Soazana meta hi kellha 16-il sena u kellhom 8 t-itfal li minnhom 5 għixu. Luċien kien raġel u missier eżemplari iżda xorta martu kienet tilmenta miegħu li kien qiegħed jagħmel ħafna ħin fil-knisja jitlob kemm bil-lejl kif wkoll bi nhar. Il-passjoni kbira ta’ imħabba li Luċien kellu għal Alla kienet innutata minn Soru. Darba qaltlu li seta kien saċerdot tajjeb. Hu kien pront u qalilha, “Jien kuntent miżżewweġ u għalliem għax din kienet ir-rieda ta’ Alla u b’hekk inħossni aktar viċin il-poplu”.
Darba ġiet f’ idejh kopja tar-regola tat-Terż Ordni ta’ San Franġisk. Din tant immeraviljatu li għażel li jgħix il-ħajja ta’ San Franġisk fis-sempliċita tagħha tat-talb u s-sawm. Iddeċieda li jilbes qmis u qalziet tal-khaki u kurdun ma’ qaddu li jirrapreżenta l-ferħ tal-ħajja evanġelika bħal San Franġisk. Meta pprova jintroduċi it-tielet ordni ta’ San Franġisk fil-parroċċa tiegħu ma sabx interess.
Ma qatax qalbu u meta sab omm li wriet interess bdew jiltaqgħu kull nhar ta’ Erbgħa. L-entużjażmu u l-ferħ li wrew waqt il-laqgħa ħajru oħrajn u in-numru tal-membri beda jiżdied. Martu ma ħaditx grazzja ma’ stampa ta’ San Franġisk ma’ ġemb lupu u lil-Luċien darba qaltlu, “dak huwa l-bniedem li qed iġennek”, għax beżgħat li minħabba San Franġisk kien ser jabbanduna lill-familja.
Luċien ġie Profess membru fl-OFS fis-sena 1944. Meta kien jivvjaġġa bil-mixi minn raħal għall-ieħor kien jgħid ir-rużarju u talb ieħor u kull min ikun miexi miegħu kien jingħaqad fit-talb. Kien veru Franġiskan fl-ispirtu u ferħ.Fl-erbgħinijiet f’Madagasgar, li kienet kolonja Franċiża qamet gwerra ċivili u li l-insara kien jiġu mixlija li qed jappoġġjaw lill-Franċiżi. Għalhekk bdew jiġu ippersegwitati u fil-Ġimgħa Mqaddsa r-ribelli bdew jaħarqu l-knejjes Insara.
Fl-14 ta’ April 1947, Luċien sema’ li kien qed jiġi imfittex mir-ribelli. Kulħadd tah il-parir li jmur jistaħba. Qalilhom li jekk imur jistaħba jaqbdu mal-familja tiegħu sakemm jagħti ruħu b’idejh. Għamel ġurnata d-dar miġbur mal-familja tiegħu għax kien jaf li dik kienet ser tkun l-aħħar darba li kien ser igawdi l-familja tiegħu.

Filgħaxija “l-Għalliem Kristjan” ta’ ruħu f’idejn ir-ribelli, ġie arrestat, u bħal Kristu fi ftit ħin sabuh ħati u qatgħuwielu għall-mewt. Hu qatt m’aċċetta li kien jaħdem mal-Fraċiżi u kontra r-ribelli. Ġie meħud fix-xatt tax-xmara Mattanana fejn kellu jiġi maqtul. Xi ħadd minn dawk li kellhom joqtluh kienu studenti tiegħu u meta staqsihom għaliex ser joqtluh qalulu għax huwa Kristjan. Meta sema hekk aċċetta s-sentenza u ma iddefendix lilu nnifsu.
Talabhom biex ma jorbtuhx u qalilhom “J’Alla demmi mxerred fuq din l-art issalva lill-pajjiż”. Luċien sallab idu fuq sidru, niżel għarkuptejh u beda jitlob, jistenna d-daqqa tax-xabla. Ħadd ma iddisturbah waqt li kien qed jitlob u meta waqaf mit-talb, qalilhom “nitlobkom biex taqtgħuli rasi b’daqqa waħda” u ħafrilhom. Luċien ħa l-martirju liebes ta’ membru ta’ l-O.F.S. b’gakketta u qalziet tal-Khaki u bil-kurdun ma’ qaddu. Il-ġisem mejjet tiegħu ġie mitfuh fix-Xmara Malitanana.
Il-Funzjoni tal-Beatifikazzjoni ta’ Luċien Botovasoa, kienet preseduta mill-Kardinal Mauriċe Piat, Isqof ta’ Port-Louis fil-Mauritius fil-15 ta’ April 2018. Il-Kardinal Piat fi tmiem tal-funzjoni qal lill-ġemgħa: “Luċien għallimna biex ngħixu l-vanġelju li huwa l-ktieb tal-ħajja u mhux tal-mewt, tal-imħabba u mhux tal-mibegħda, tal-fraternita u mhux tad-diskriminazzjoni. Tagħna eżempju ħaj u ħallilna wirt importanti li jgħid li biex ngħixu flimkien bħall-aħwa u fil-paċi irridu naħfru lil-ġirien u naħfru lill-għedewwa”.


Joe Gatt OFS