Maħbubin ħuti fi Kristu u San Franġisk

Il-beatu Rev. Fulton Sheen, fil-ktieb tiegħu ‘Life of Christ’ jgħati dawl mil-lisbaħ fuq id-diskors tal-muntanja u il-Beatitudnijiet u kif dawn rrelatati mas-salib.  

L-għolja fejn Ġesù għallem il-Beatitudnijiet u l-għolja tal-Kalvarju huma rrelatati ma’ xulxin u huma inseparabbli.  Ġesù li tela’ jippriedka il-Beatitudnijiet fuq l-ewwel għolja, ma setagħx ma jitlagħx fuq it-tieni għolja biex jipprattika dak li ppriedka.  L-eku tat-tagħlim ta’ Ġesù fuq il-muntanja, dwar kif il-bniedem jista’ jkun ferħan u mbierek, dewa bil-ħoss tal-imsiemer deħlin fil-ġisem qaddies Tiegħu.  Il- Beatitudnijiet huma inseparabbli mill-mewt umiljanti tas-salib; huma tant il-bogħod minn dak li tħobb id-dinja, li d-dinja ssallab lil minn jipprova jgħixhom.  Kulħadd jixtieq li jkun ferħan, imma il-mod ta’ Ġesù huwa oppost għall-ispirtu tad-dinja.

Ġesù jistmerr il-klixejiet ordinarji li fuqhom jinkitbu l-istejjer u jinħadmu il-films: il-fehma falza li l-ferħ jiddependi fuq affarijiet esterni għar-ruħ – bħan-nuqqas ta’ rażan.  Ġesù jiddisprezzhom għaliex magħhom iġibu anzjetà, biża, tama falza, dwejjaq u mard mentali.

Fid-diskors tal-muntanja Ġesù juża żewġ espressjonijiet : ‘Smajtu’ u ‘Imma’.  Ġesù jirreferi għal dak li smajna tul iż-żmien: regoli, preċetti u kodiċi li jaqgħu bejn stint u raġuni, bejn drawwiet u ideali.  Għal dawn il-kompromessi, Ġesù jgħidilna ‘smajtu’, per eżempju “Smajtu xi ntqal… ‘La Toqtolx’.  Mela jekk xi ħadd joqtol ikun ħaqqu l-kundanna. Imma jien ngħidilkom li l-kundanna tistħoq ukoll lil min jinkorla għal ħuħ.“ (Mat. 5: 21-22)  Fl-Evanġelu ta’ Luqa nsibu wkoll l-erba’ espressjonijiet “Ħażin għalikom” per eżempju “Ħażin għalikom meta kulħadd isemmikom fil-ġid. Għax l-istess għamlu missirijiethom lill-profeti foloz!” (Luq 6:26)  Meta Ġesù jgħid “Ħażin għalikom” lill-għonja, l-imxebbgħin, lil min jidħak u lill ammirati, qed jikkundanna ’l-etika’ popolari. Għal dan iħallas billi jmut fqir, abbandonat, u mistmerr minn niesu stess.

Ġesù jafferma li d-dnub jibda fir-rieda u jiġi trasmess lill-ġisem, u minn hemm jilħaq ir-ruħ.  Għalhekk jgħid ‘U jekk idejk il-leminija hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra u armiha ‘l bogħod minnek.” (Mat 5:30)  Kif il-kirurgu jaqta’ drigħ jew riġel biex isalva ġisem mill-kankrena jew mill-ivvelenar, hekk ukoll Ġesù jgħidilna biex inwarrbu minn qalbna ġibdiet, xewqat u passjonijiet ħżina biex ma nitbiegħdux mill-inħabba t’Alla.

Ġesù jgħallimna li m’ għandniex inpattu, nobgħodu jew nużaw vjolenza biex ma nkabbrux il-problema, imma f’ġieħ is-Salvatur tagħna nassorbixxu il-ħażin kif għamel Hu, li miet biex jieħu fuqu d-dnub tagħna.   “Smajtu xi ntqal, ‘Għajn b’għajn u sinna b’sinna’.  Imma jiena ngħidilkhom biex bniedem ħażin ma tiqfulux;” (Mat 5: 38-39)  Hekk l-avversarju jintrebaħ bla reżistenza, imma bl-għajnuna ta’ Ġesù u b’qawwa morali superjuri.  Il-liġi u l-virtù Kristjana jitlobu li l-innoċenti jbagħtu għall-ħatja.

Il-Beatitudnijiet mhumiex ideal, imma fatti ibsien u realtajiet inseparabbli mis-Salib.  Il-ġustizja, il-verità u l-imħabba t’Alla jitolbu l-mewt tal-bniedem il-qadim tal-egoiżmu tagħna.  Ġesù jitlobna ninxteħtu fuq is-salib taċ-ċaħda tagħna nfusna – l-istess salib li ħaddan Hu.

Paċi u Ġid

Brigitte Attard, OFS