Gheziez huti Frangiskani,

Ippermettuli, llum, naqsam maghkom zewg hsiebijiet profondi, wiehed mill-Papa Frangisku u l-ehor mill-Papa Benedittu XVI.

“Ħuti, ejjew noħolmu. Noħolmu Knisja hekk: Knisja Ewkaristika. Magħmula minn bnedmin li jinqasmu bħala ħobż għal dawk kollha li qed jomogħdu s-solitudni u l-faqar, għal dawk li huma mġewħa għall-ħlewwa u għall-ħniena, għal dawk li ħajjithom qed titfarrak għax naqset il-ħmira tajba tat-tama.

Knisja li tinżel għarkupptejha quddiem l-Ewkaristija u tadura bi stagħġib lill-Mulej preżenti fil-ħobż; imma li taf ukoll titbaxxa bi ħniena u ħlewwa quddiem il-ġrieħi ta’ min qed ibati, isserraħ lill-foqra, tixxotta d-dmugħ tal-batuti, issir ħobż ta’ tama u ta’ ferħ għal kulħadd. Għax ma hemmx qima vera tal-Ewkaristija mingħajr ħniena għall-ħafna ‘Lazzri’ li llum ukoll mexjin biswitna. Ħafna!”
Il-Papa Franġisku, Omelija f’Matera, 25.09.2022

“Ħuti, ejjew ma nħallux li niġu sorpriżi aħna wkoll. Attenti biex ma nixħtux iżżejjed zokkor fuq it-togħma tal-Vanġelu. Għax spiss, għall-konvenjenza jew għall-kumdità, it-tendenza tagħna hi li nimmansaw il-messaġġ ta’ Ġesù, li nġibu fix-xejn il-kliem tiegħu.

Ejjew nammettu, sirna bravi mhux ħażin biex nagħmlu l-kompromessi mal-Vanġelu. Dejjem sa hawn, sa hemm… kompromessi. Nagħtu l-ikel lil min hu bil-ġuħ iva, imma l-kwistjoni tal-ġuħ hi kumplessa, u żgur ma nistax insolviha jien!

Ngħinu lill-foqra iva, imma mbagħad l-inġustizzji rridu naffaċċjawhom b’ċertu mod u allura aħjar nistennew, anki għax imbagħad jekk nimpenjaw ruħna nkunu nirriskjaw li niġu ddisturbati dejjem u forsi nintebħu li stajna mxejna aħjar, allura aħjar nistennew ftit.

Inkunu qrib tal-morda u l-ħabsin iva, imma fl-ewwel paġni tal-ġurnali u fuq il-mezzi soċjali hemm problemi oħra iżjed urġenti u allura għaliex proprju jien għandi nuri interess fihom?

Nilqgħu lill-migranti iva, daż-żgur, imma din hi kwistjoni ġenerali kkumplikata, tolqot il-politika… Jiena ma nidħolx f’dawn l-affarijiet…

Dawn huma l-kompromessi: ‘iva, iva’, imma ‘le, le’.. Dawn huma l-kompromessi li aħna nagħmlu mal-Vanġelu. Kollox ‘iva’ imma, fl-aħħar, kollox ‘le’. U hekk, b’dawn il-ħafna ‘imma’ u ‘però’ – ħafna drabi aħna nies tal-‘imma’ u l-‘però; – nagħmlu mill-ħajja kompromess mal-Vanġelu.

Minn dixxipli sempliċi tal-Imgħallem insiru mgħallma ta’ kumplikazzjonijiet, li jargumentaw ħafna u jagħmlu ftit, li jfittxu tweġibiet iżjed quddiem il-kompjuter milli quddiem il-Kurċifiss, fuq l-internet flok f’għajnejn ħuthom; Insara li jikkummentaw, jiddibattu u jesponu teoriji, imma mank jafu fqir wieħed b’ismu, ilhom xhur sħaħ ma jżuru xi ħadd marid, qatt ma taw x’jiekol jew x’jilbes lil xi ħadd, qatt ma daħlu fi ħbiberiji ma’ xi ħadd fil-bżonn, u nsew li ‘l-programm tan-Nisrani huwa qalb li tara’ (Benedittu XVI, Deus caritas est, 31).”
Il-Papa Franġisku, Omelija fit-Tifkira tal-Fidili Mejtin Kollha, 02.11.2022

Zewg hsiebijiet li jghinuna naghmlu ezami ta’ kuxjenza bi preparazzjoni ghall-migja ta’ Gesu Bambin… fi ftit granet ohra.

Il-Paci ta’ Gesu Bambin tkun dejjem maghkom.

Peter Darmanin ofs