Maħbubin ħuti fi Kristu u San Franġisk
Il-Papa Ġwanni Pawlu II, fl-Ittra Appostolika Salvifici Doloris tal-1984, jixħet dawl fuq it-tifsira tas-sofferenza fil-ħajja tal-bniedem.
Ir-redenzjoni tagħna seħħet permezz tas-sofferenza ta’ Ġesù fuq is-salib, u s-sofferenza tagħna hija magħquda mar-redenzjoni tagħna. Il-bniedem isofri fiżikament, mentalment, emozzjonalment kif ukoll moralment. Il-Mediċina tipprova ttaffi l-ewwel tlieta, imma ma’ agħmel xejn mas-sofferenza morali li tiġi mill-esperjenza tal-hażen u l-malinjità.
Il-ħażen huwa nuqqas tat-tajjeb, u l-bniedem isofri minħabba li ma jipparteċipax fit-tajjeb – xorta t’eżilju mit-tajjeb. Is-sofferenza personali tgħinna biex niksbu l-kompassjoni lejn ħutna il-bnedmin u għalhekk iġġib magħha is-solidarjetà u l-kommunjoni bejn dawk li jsofru. Fi żmien ta’ gwerrer, ġuh, pandemiji, għarar, nixfa eċċ. is-sofferenza tiżdied, u f’dan iż-żmien t’armi nukleari u l-possibiltà ta’ destruzzjoni mifruxa, is-sofferenza tiżdied proporzjonalment mad-dnubiet ta’ żminijietna.
Għaliex is-sofferenza? Għaliex il-ħażen? Il-ħażen idallam il-viżjoni t’Alla u jġib miegħu konfużjoni rigward soferenza mhux mistħoqqha u ħażen mhux ikkastigat. Il-Ktieb ta’ Ġob jesplora is-sofferenza. Filwaqt lit-Testment il-Qadim ipoġġi s-sofferenza bħala kastig u tpattija tal-ħażen morali (tad-dnub) Ġob juri biċ-ċar li mhux kul sofferenza hija riżultat tad-dnub. Is-sofferenza tal-innocenti tibqa’ misteru li Alla ma jiċċarahlniex u li tipponta għas-sofferenza u l-passjoni ta’ Kristu, innoċenti, fit-Testment il-Ġdid. Is-sofferenza bħala kastig għandha wkoll valur edukattiv għaliex tipprovdi opportunità biex jerġa’ jinbena t-tajjeb li kien nieqes, u tinfetaħ triq ta’ konverżjoni, ħniena u riabilitazzjoni.
Ġesù għamilha sewwa mas-sofferenza fix-xogħol Messjaniku tiegħu. Kien dejjem
imdawwar bil-morda, fqar u kull tip ta’ nies sofferenti, u aktar ma’ resaq lejn it-tmiem tax-xoghol tiegħu fid-dinja, aktar ġie iżolat u l-mira t’ostilità qalila. Permezz ta’ Ġesù is-sofferenza ssejħilna għall-integrità morali li tibni l-karattru spiritwali. It-tbatija mhiex ħaġa tal-mistħija imma mezz ta’ virtù, sabar u tama, u nixxija ta’ grazzja li tqarrabna lejn Ġesù. Kif jgħid San Pawl, “Nifraħ bit-tbatijiet tiegħi minħabba fikom, biex intemm f’ġismi dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu għall-ġisem tiegħu li hu l-Knisja.” It-tbatija ta Ġesù mhiex nieqsa jew insuffiċienti, imma il-partiċipazzjoni tagħna l-Knisja, bħala l-Ġisem Mistiku tiegħu, trid tiġi mitmuma tul l-Istorja tad-dinja.
Is-sofferenza li naraw fl-oħrajn hija oppotunità biex wieħed juri mħabba u solidarjetà, li flimkien jegħlbu l-indifferenza lejn min qed ibati. Dawn l-atti t’ imħabba huma mwettqa minn individwi – u mhux neċessarjament minn instituzzjonijiet, li ma’ jistgħu qatt jieħdu post l-element uman ta’ kompassjoni – u huma xmara ta’ grazzji kemm għall-batut kif ukoll għal min iħenn.
Is-sofferenza hija kemm sopranaturali, għaliex Alla permezz ta’ Ġesù għaqqadha mas- salvazzjoni, kif ukoll umana għaliex jgħaddi minnha kull bniedem. Fit-tbatija il-bniedem isib l-identità tiegħu fih innifsu kif ukoll fi Kristu Ġesù.
Paċi u ġid.
Brigitte OFS
0 Comments