Fi żmien il-Għid, li għadu kif intemm is-silta mill-qari tad-Dixxipli ta’ Għemmaws inqrat kemm-il darba minnħabba l-importanza tagħha meta l-mixja fit-triq lejn Għemmaws saret ftit ta’ ħin wara li Ġesu qam mill-mewt. Mela għaliex id-dixxipli ta’ Għemmaws kellhom ikunu mnikkta f’dik l-għodwa tant ferrieħa. Għaliex meta fit-tielet jum ma raw xejn speċjali minn dak li stennew huma mill-Mulej, tilfu l-fidi u t-tama, issuppervjaw u dak in-nhar stess telqu minn Ġerusalem lura lejn pajjiżhom.
Ġesu tħassarhom u “resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom imma f’għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħarfuh.” (Lq. 24, 15-16). Hawn spjegawlu dak li għadda minnu Ġesu’, u li flok feda lil Israel kif ippretendew li kellu jiġri, ġie maqtul mal-għuda tas-salib. “Issa wkoll kmieni dalgħodu xi wħud minn nisa ħasduna għax marru ħdejn il-qabar u l-katavru tiegħu ma sabuhx u l-anġli qalulhom li hu ħaj.” (Lq.24, 21-23) Qalilhom Ġesu’: Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kull ma qalu l-profeti (Lq 24. 25-26). Hawn Ġesu beda jfissrilhom x’intqal minn Mose’ u l-profeti kollha, kull ma’ kien hemm fl-iskrittura fuqu.
Kleofa u sieħbu ippretendew li l-Mulej jifdi lil Iżrael minn idejn ir-Rumani meta l-Mulej bil-passjoni, l-mewt u l-qawmien tiegħu kien għadu kif feda lil bniedem minn dnubietu. Aħna mhux daqshom boloh meta ġieli jidħlilna dubju minn dak li hemm u naqraw fil-kotba mqaddsa u biex nemmnu nitolbu xi sinjal mingħand il-Mulej. Aħna bħal dawn id-dixxipli ma nindunawx x’tagħna l-Mulej u nagħmlu n-nervi għax ma tahniex dak li riedna meta Hu jkun ġa tagħna dak li għandna bżonn.
Il-Mulej huwa d-dawl u meta nibqgħu miegħu inkunu qed nimxu fid-dawl, fis-sewwa u fil-paċi. Iżda meta għal xi raġuni ninqatgħu minn miegħu nidħlu fil-kruha u fil-ħażen tad-dlam. Id-Dixxipli dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalem fejn kien hemm sħabhom u dawn qalulhom, “ Il-Mulej qam tassew!”.
Meta tgħaddi minn fuqna din il-pandemija qerrieda tal-Covid-19 li laqtitna u nvadiet lid-dinja, għandna mmorru lura mhux għal dik il-ħajja materjalista li konna fiha iżda bħalma Ġesu qam tassew mill-kruha tal-mewt b’ġisem ġdid Mistiku u Glorjuż hekk aħna għandna nagħżlu li mmorru lura għal ħajja spiritwali u qaddisa vicin tal-Mulej u l-Verġni Maria.
0 Comments