Dan huwa rakkont miktub minn wieħed li kien qed jifforma parti mill-grupp tal-Aħwa ta’ Franġisku. Kien jismu Tumas minn Celano.  Hekk kiteb Celano: “Darba waħda Franġisku kien miġbur jaħseb u jiskanta bill-ħniena mmensa li kien wera miegħu Alla. Franġisku xtaq ħafna li l-Mulej jurih it-triq li għandhom jgħaddu minnha, huwa u ħutu. Għalhekk mar jinġabar f’post tat-talb kif kien imdorri jagħmel. Għadda ħin twil hemm, mimli biżgħa u tensjoni quddiem il-Mexxej tal-ħolqien. B’dieqa kbira qagħad jaħseb dwar il-ħajja mħarbta tal-passat, u ta’ spiss kien jgħid: “Mulej, ħenn għalija, jiena midneb.”

Bil-mod il-mod beda jħoss fih ċerta ‘ħlewwa’ u nduna wkoll li kien imdawwar b’dawl, li ma setax jispjeghom, la l-ħlewwa lanqas id-dawl. Qalbu mtliet b’ferħ kbir. Ħass bidla qed isseħħ ġewwa fih, u dik id-dalma, is-swidija  tad-dnubiet l-antiki sparixxat, għabet għal kollox. Ħass fil-fond ta’ qalbu li l-Mulej kien ħafirlu kollox u li kien mogħni bil-grazzja t’Alla. Franġisku qiesu ma baqax l- istess bniedem, ħass bħal dawl spiritwali u fehem,  u ra ċar, dak kollu li kellu jseħħ fil-futur. Meta dik il-ħlewwa u d-dawl li kien mogħni bihom bdew ibattu, irrealizza  li kien sar bniedem differenti. Hekk jiġri meta tumilja ruħek quddiem Alla, u tifhem ix-xejn tiegħek, ‘Alla jkabbar lil min hu ċkejken’.

Franġisku mar lura ħdejn ħutu u b’ferħ kbir qallhom: ‘Qawwu qalbkom, egħżież ħuti, u ifirħu fil-Mulej.  Titnikktux għax qegħdin numru żgħir, taqtgħux qalbkom bis-sempliċita tiegħi, jew tagħkom. Il-Mulej għadu kemm urini li Alla se jippermetti li nsiru kotra kbira u jxerridna mal-erbat  irjieħ tad-dinja. Nixtieq ngħidilkom aktar x’rajt dwar il-futur tagħkom; għalkemm, għandi x-xewqa wkoll li nibqa’ sieket dwarha, iżda  l-karita ġġegħelni ngħidilkom. Rajt kotra ta’eluf resqin lejna u jitolbu li jissieħbu magħna, jilbsu bħalna u jgħixu l-ħajja tagħna. F’widnejja għadni nisma’ l-kotra ġejja minn kullimkien, u ta’ kull ġens: Franciżi, Spanjoli, Ingliżi u gzuz oħra jitkellmu b’lingwi differenti.’ “  Celano ma jgħidx fejn seħħ dan. Iżda llum nafu li kien fl-eremitaġġ  ta’ Poggio Bustone. Dan nafuh minn dokumenti eżistenti.

Forsi ssaqsu dan kollu x’għandu x’jaqsam ma’  Franġisku u Talba tal- Missierna ? Għandu x’jaqsam ħafna, għax Franġisku ma kienx jgħid il-Missierna, jew jitlobha biss … iżda kien jgħix it-Talba tal-Missierna,  ħajjtu kollha. Franġisku stqarr li huwa midneb,  ħass u fehem li huwa t-Tempju tal-iSpirtu s-Santu, għax fehem li Alla Huwa Missieru. Intelaq totalment għar-rieda qaddisa t’Alla. U kif rajna kien jitlob u jistaqsiH xi jrid Alla minnu. L-umilta  tiegħu kienet tant profonda li rrifjuta li jsir saċerdot. Kemm għandna nimitawh lil dan Missierna Franġisku, speċjalment f’dik li hi umilta u nifhmu kemm m’aħna xejn, kif kien jifhimha Franġisku.

Jekk aħna għandna xi kariżma, xi kapaċita, xi talent .. li kulħadd għandu, Alla tahulna għal skop wieħed biss. Biex bih nagħtu glorja ‘l Alla, nuru s-sbuħija, l-għerf Tiegħu u niġbdu ‘l ħaddieħor lejn il-kobor, l-imħabba  u l-ħniena t’Alla .  Dak li jibqa’ wara mewtna … il-frott ta’ kemm ħaddimna t-talenti tagħna. Wieħed mit-talenti ta’ Franġisku kien il-ferħ, l-imħabba lejn kulħadd u lejn kollox maħluq (bl-Ingliż ‘bubbling joy’). Kien iħobb u jirrispetta wkoll lin-nemla tant li jasal li jitbaxxa u jwarrabha min-nofs biex ma tintrifisx. Ħaddimha l-kariżma tiegħu. Franġisku … u baqa’ msemmi għaliha. Ħuti, nagħmlu ħilitna li nimitawh, bħala uliedu.

Tony Mahoney ofs