F’diskors lis-saċerdoti l-Isqof Grech isejjaħ għal ‘riforma’ fiċ-ċelebrazzjoni tal-Qrar
“Nixtieq ħafna li dan il-Ġublew tal-Ħniena jkun mument ta’ opportunità pastorali biex inwieżnu lil dawk li kważi tilfu jew abbandunaw il-fidi tagħhom”.
Hekk qal dalgħodu l-Isqof Mons. Mario Grech fid-diskors tal-Qsim tal-Awguri lis-saċerdoti fis-Seminarju ta’ Għawdex.
L-Isqof għażel li jiddedika d-diskors tiegħu, li tradizzjonalment jagħti direzzjoni pastorali għas-sena l-ġdida, lis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni. “Nixtieq li bħala presbiterju djoċesan napprezzaw aktar is-sagrament tal-Qrar”, tenna ċar.
F’riflessjoni ta’ madwar siegħa dwar is-saċerdozju bħala “ministeru tal-miżerikordja”, l-Isqof saħaq li l-ewwel huma s-saċerdoti li jridu jemmnu fil-qawwa tal-Qrar u jfittxuh, biex jistgħu jiġbdu l-penitenti lejn Alla li ma jegħja qatt jaħfer. “Ħudu bis-serjetà, għożżu s-sagrament tal-Qrar fil-ħajja spiritwali tagħkom!”, qalilhom.
Appella lill-komunitajiet biex jagħtu iktar importanza liċ-ċelebrazzjoni penitenzjali, u fakkar li hemm bżonn niskopru mill-ġdid l-għana tar-rikonċiljazzjoni ma’ Alla bħala l-ewwel tappa qabel l-istess stqarrija u penitenza.
“Għandna bżonn negħlbu l-mentalità ta’ ‘inqerr biex nitqarben’”, kompla l-Isqof, għax l-esperjenza tas-sagrament hi wisq aktar profonda. Dan jitlob riforma fil-prassi penitenzjali attwali, b’aktar enfasi fuq il-formazzjoni u l-ambjent, pass li jista’ jġib ukoll bidla fil-persuni u fil-Knisja.
L-Isqof temm jgħid li “il-konfessur mhux qiegħed hemm biex jiddefendi l-liġi morali astratta, imma huwa fdat minn Kristu u l-Knisja biex f’isem Alla jagħti tmellisa ħelwa lill-midneb nidem u jgħinu jaqbad it-triq tal-konverżjoni”.
Id-diskors għalaq b’sett ta’ tmien suġġerimenti prattiċi, b’sejħa biex darba fil-ġimgħa l-knejjes jibqgħu miftuħa sa tard biex jipprovdu servizz ta’ Qrar, u f’kull parroċċa jkun hemm konfessuri disponibbli u post dinjituż “fejn tiġi mħarsa s-sagralità u l-kunfidenzjalità”.
Flimkien mat-tliet knejjes ġubilari, Mons. Grech qal li se jagħmel il-knisja ta’ San Ġakbu fil-Belt Victoria “knisja penitenzjali”.
Fl-aħħar nett ħabbar li talab lis-Santa Sede biex il-Papa jaħtar lil Patri Marcello Ghirlando OFM bħala “missjunarju tal-ħniena”, bl-awtorità li jaħfer anki d-dnubiet riservati għas-Sede Appostolika u jkun “predikatur konvinċenti tal-ħniena”.
Filmat u Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja ta’ Għawdex
Prosit lil-E.T. Mons. Mario Grech. L-ideja li s-Saċerdozju huwa “Ministeru tal-Miżerikordja” u allura toħroġ b’mod awtomatiku li s-Saċerdot huwa l-“persuna tar-Rikonċiljazzjoni” m’Alla. Din tfisser li s-Saċerdot irid jagħti prova li hu adatt li joħloq dik ir-rikonċiljazzjoni, kapaċi joħloq dak il-pont bejn il-bniedem u Alla. Il-prova, il-kapaċita tas-Saċerdot tiġi mill-imġieba tiegħu, ta’ kuljum, ta’ diskorsu, tal-ħidma li jagħmel ta’ kuljum biex f’għajnejn il-fidili tinbena dik il-fiduċja li qed tittratta ma’ bniedem li kapaċi jagħdrek, jifhmek, u jinfluwenzak b’dak kollu li jgħid u li jagħmel. Għandna numru ta’ Saċerdoti li jedifikawk. Biss hemm bżonn ta’ aktar talb għalihom, l-aktar lill-Ġesu Ewkaristija minn għandna lkoll. U huma jridu jagħtu prova bil-preżenza tagħhom mall-fidili fil-qima lejn l-Għajn ta’ kull grazzja, Ġesu Ewkaristija.
Is-suġġeriment ta’ Mons. Grech li jitlob li P.Marcello Ghirlando ofm li jkun appuntat bħala Missjunarju tal-Ħniena, hija idea nobbli u xierqa għal P.Marcello għax hija idonea mal-karattru u l-imġieba tiegħu.
Prosit ħafna lill-Isqof Mario Grech. Dan huwa diskors li kull saċerdot u lajk għandu jixtarr sew, mhux f’din is-Sena tal-Ħniena biss, imma dejjem. Inutli ngħidu li l-qrar naqas jekk is-sinifikat importanti tiegħu intesa jew twarrab u ma jerġax jiġi mfakkar u spjegat sew, kif insibu f’dan is-diskors, l-aktar mis-saċerdoti. Huma għandhom ikunu l-istrumenti biex dan is-sagrament tar-rikonċiljazzjoni ma’ Alla jerġa jieħu spinta ‘l quddiem u jsib postu mill-ġdid fil-ħajja serja tan-Nisrani.
Filwaqt li nghid prosit ghall-messagg qawwi ta’ mons Matio Grech dwar is-sagrament tar-Rikonciljazzjoni nawgura li Patri Ghirlando jinaghta dan l-appuntament ghax veru jixraqlu u jkun ta’ gid kbir ghall-Knisja.
Dejjem ammirajt lil-Mons Mario Grech għal mod kif iwassal il-messaġġi spiritwali lil poplu. Jitkellem b’mod semplici u dirett.