EJJA SPIRTU SANTU

Fuq kollox l-Ordni Franġiskan Sekular huwa verament familja, unjoni ta’ fraternità mxerrda madwar id-dinja u miftuħa għal kulħadd. Hija din il-fraternità, immexxija mill-Ispirtu, li tistinka biex tikseb spiritwalità ogħla, li tipprova tgħix l-evanġelju u timxi fil-passi ta’ San Franġisk.
F’din il-ħidma huwa l-Ispirtu s-Santu li jdawwalna, li jagħmilna ħerqana għal Alla, għall-
verità spiritwali. Huwa l-Ispirtu li fil-probabbiltà kollha wassalna għas-sejħa Franġiskana
tagħna. L-Ispirtu s-Santu huwa s-saħħa u l-għerf ta’ Alla. Għandna bżonnu f’ħajjitna biex insiru konduċent ta’ paċi u mħabba, u permezz tal-qawwa Tiegħu għandna l-mezzi biex niksbu dan. Mingħajru, aħna dgħajfa u bla saħħa.
Il-kelma Griega għal “spirtu” hija “pneuma”, li tfisser “nifs”. Rari nkunu konxji tan-nifs tagħna. L-Ispirtu ta’ Alla huwa bħan-nifs li nieħdu – huwa intimu, fin, essenzjali għall-ħajja.
Ħafna drabi ma nkunux konxji ta’ dan, imma mingħajru ma nistgħux ngħixu “ħajja
spiritwali”. Huwa l-Ispirtu s-Santu ta’ Alla li jitlob fina, li joffrilna d-doni tal-imħabba, il-maħfra, it-tjubija, il-ġentilezza, il-paċi u l-ferħ. Hu li joffrilna l-ħajja li l-mewt ma tistax teqred. Huwa l-Ispirtu s-Santu li jippermettilna nkunu ‘Franġiskani tajbin u fidili’.
Nitolbu b’ħerqa kbira għall-paċi fid-dinja: Ejja, Spirtu s-Santu, nifs ħaj u intimu ta’ Alla. Ejja u ħu nifs fina li tikseb ħajja ġdida, li ġġedded qalbna u li biha l-Kelma tiegħek tieħu ħajja attiva fina. Imliena bil-preżenza ta’ imħabbtek, bil-preżenza tal-Mulej. Ejja, Spirtu s-Santu u għix gewwa fina.
Paċi u Sliem
0 Comments