749678-400xNoneMinn Marion Zammit – 21/12/15

Fil-messaġġ tiegħu lill-Kurja Rumana, fl-iskambju ta’ awguri tal-Milied, il-Papa Franġisku rrefera għar-riformi li qed isiru, bħal dejjem, fil-Knisja kif ukoll għal dak li ddeskriva bħala mard u li laqat lill-Knisja anke din is-sena.

Il-Papa Franġisku rrefera għall-aħħar żewġ diskorsi tiegħu lill-Kurja Rumana f’laqgħat simili fl-aħħar sentejn – fejn sentejn ilu rrefera għall-ħidma professjonali u ta’ servizz li l-membri tal-Kurja jridu jagħtu lill-bqija tal-Knisja, u dak li s-sena li għaddiet iddeskriva bħala l-‘katalgu tal-mard Kurjali’, li jistgħu jaffettwaw lil kull Nisrani, kull komunità, kongregazzjoni, parroċċa jew moviment.

Il-Papa Franġisku qal li l-mard li laqat lill-Knisja din is-sena ħalla wġiegħ mifrux ma’ kullimkien u weġġa’ ħafna erwieħ. Imma minkejja dan, saħaq, ir-riforma se tibqa’ għaddejja b’determinazzjoni u ċarezza.

Hekk kif talab skuża għall-iskandli li twettqu, il-Papa qal li dawn ma jistgħux joskuraw l-effiċjenza tas-servizzi li ngħataw mis-saċerdoti lill-Papa u lill-Knisja, b’sens ta’ sforz, responsabilità, impenn u dedikazzjoni.

Fl-istess ħin, wera r-ringrazzjament profond tiegħu għal dawk l-irġiel u nisa onesti li jaħdmu fi ħdan il-Kurja, u li lill-Knisja u lis-suċċessur ta’ Pietru jagħtuhom l-assikurazzjoni tas-solidarjetà u l-ubbidjenza tagħhom, kif ukoll it-talb kostanti.

Il-Papa qal li mumenti ta’ diffikultajiet huma normali għall-individwi u anke għall-Ministri tal-Knisja imma li dawn joffru opportunitajiet biex wieħed jitgħallem u jikber. Fuq kollox, saħaq, dawn ifakkru lill-bniedem biex idur għall-iktar affarijiet essenzjali, u li fis-Sena tal-Ħniena jfissru r-ritorn għall-gratitudni, il-konverżjoni, it-tiġdid, il-penitenza u r-rikonċiljazzjoni.

Il-Papa ddeskriva l-Milied bħala l-festa tal-ħniena infinita t’Alla hekk kif awgura li tkun l-istess ħniena l-bażi li tiggwida l-passi ta’ dak li jkun, id-deċiżjonijiet li jieħu u anke biex jirrealizza meta għandu jagħmel pass lura.