Fost il-ħwejjeġ li jkabbru għid il-Milied, il-għana għandu s-sehem tiegħu. Il-għana huwa l-aktar espressjoni ta’ kif wieħed jista’ jfisser il-ferħ u t-tqanqil ta’ qalbu. U x’ma jġibx ferħ u tqanqil il-ħsieb tal-Milied? X’ma jinħallx l-ilsien biex ilissen l-isbaħ għanjiet?
Għalhekk mhux ta’ b’xejn li għal dan il-jum ħlejju nkitbu għanjiet tassew sbieħ, b’kull ilsien imnissla mill-ħsus ta’ qalb sielma. Nistgħu ngħidu bla ebda ħabi li kieku ma kellnix dan l-għana, l-ispirtu tal-Milied kien ikun wisq xort’oħra; ma kienx ikun daqshekk sbejjaħ u mimli.
Hawn Malta, minkejja ċ-ċokon tagħna, għandna wkoll l-għana tal-Milied, li bħall-għana barrani juri s-sentimenti ġenwini u t-taħbit ta’ qalb il-poplu li bħal kotra tad-dinja jrid juri l-ferħ tiegħu għal twelid il-Messija.
Aħna għandna għana li hu kollu kemm hu Malti, miktub u maħluq minn niesna stess. L-aktar magħrufa fost dawn, aktarx imfasslin fuq ir-rittmi tradizzjonali tagħna nsibu s-Sinfonija Pastorali, melodija ta’ ġmiel kbir, li skond Robert Mifsud Bonnici fil-ktieb tiegħu “Mużiċisti u Kompożituri Maltin u Għawdxin tal-Bieraħ u tal-Lum” (1951) inkitbet minn Manwel Galea (1790-1850) minn Ħaż-Żebbug għalkemm ħafna jgħidu li nkitbet minn G. Galea. Insibu wkoll l-għanja “Ejjew Ilkoll Ninġabru”, xogħol tal-kompożitur Rabti Francesco Azzopardi (1748-1809) li kien Maestro di Cappella tal-Kattidral; l-għanja “Ejjew Tfal Ngħollu Leħenna” li l-kompożitur u l-kittieb tagħha mhumiex magħrufa; kif ukoll l-għanja ta’ Monsinjur Karm Farrugia li fuq l-istil Malti niseġ l-għanja “Ninni Ninni” mibnija fuq l-għandja tradizzjonali ta’ “Ninu Ninu tal-Milied.”
Iżda fis-sewwa kollu, fost l-għana Malti tal-Milied li nafu bih, l-aktar waħda magħrufa hija dik li ġġib l-isem ta’ “Il-Benniena ta’ Ġesù Bambin” jew aħjar kif inhi l-iżjed magħrufa mill-ewwel vers tagħha, “Ninni, La Tibkix Iżjed.” Din l-għanja nkitbet minn Indri Schembri u llum hija meqjusa bħala waħda tradizzjonali tagħna għall-jiem tal-Milied.
Patri Indri Schembri twieled fl-1 ta’ Settembru 1805 f’Ħal Luqa. Meta tfarfar wera l-ħsieb li jidħol patri Ġiżwita, aktarx imqanqal miż-żjara f’Malta tal-Patri Ġiżwita Pollakk Massimiljanu Ryllo. Ix-xewqa tiegħu laħqet il-quċċata tagħha meta f’1837 ħa l-quddiesa wara li għamel in-novizzjat tiegħu ġewwa Ruma. Hu daħal jgħallem minnufih fil-Kulleġġ tal-Ġiżwiti f’Birkirkara, f’San Ġiljan u fil-Kulleġġ li l-Ġiżwiti kellhom fl-Imdina, sewwa sew fejn illum hemm il-Kunvent tas-Sorijiet tad-Dorotej. Patri Schembri dam igħallem f’dan il-Kulleġġ sal-1852 fejn imbagħad erħielha lejn l-Alġier biex jaħdem qalb il-Maltin li kienu emigraw hemmhekk.
Huwa ħadem bil-qalb fosthom u għamel kemm seta’ biex bejniethom iżomm l-istess spirtu li kellhom meta kienu għadhom f’art twelidhom. Huwa kienu jqisuh bħala missierhom, lest biex igħinhom f’kull ħtieġa li kienet tinqalgħalhom. Meta ra l-imħabba li kienet tidher fost il-Maltin, Patri Indri tħajjar jikteb xi għanjiet reliġjużi bil-Malti. Hu kiteb ftit mhux ħażin u rnexxielu jaqleb f’ilsienna oħrajn mill-Latin, hekk li fl-1864 ħariġhom fi ktieb li semmieh “Ġemgħa ta’ Kliem Imqaddes li Jingħad mill-Maltin ta’ l-Alġier.” Nistgħu ngħidu li dawn il-versi ma humiex mirquma biżżejjed f’dak li hu qasam poetiku. Għalhekk aktarx li kienu ġabra ta’ innijiet jew aħjar għamla ta’ talb imqabbel bħal kurunelli. Patri Indri Schembri kien jaf li hu ma kienx poeta, hekk li hu stess ma sejħilhomx. Iżda dawn it-taqbiliet kienu biżżejjed biex iżomm l-għaqda u l-imħabba fost il-Maltin tal-Alġier. Dawn it-taqbiliet kienu ntlaqgħu tajjeb kemm mill-emigranti kif ukoll Maltin.
Biżżejjed ngħidu li fl-1905 ħarġet it-tieni edizzjoni u ħames snin wara t-tielet waħda b’żieda ta’ “Il-Għasar tal-Madonna,” traduzzjoni tal-poeta u rumanzier Malti, Ġużè Muscat Azzopardi. X’uħud mill-poeżiji ta’ Schembri dehru wkoll fil-kotba tal-“Mogħdija taż-Żmien” maħruġa mill-ħabrieki, Alfons Maria Galea.
Silta mill-kitba tal-poeta Pawlu Cachia (1957-1974) –
Arkivju Mużew Wignacourt, Rabat
Ħajr Mons. Ġwann Azzopardi, Kuratur
Interessanti hafna. Prosit.
Ninni la tibkix izjed: https://www.youtube.com/watch?v=wIBHQMReYsk