Maħbubin ħuti fi Kristu u San Franġisk
Il-beatu Rev. Fulton Sheen, fil-ktieb tiegħu ‘Life of Christ’ jgħati dawl mil-lisbaħ fuq id-diskors tal-muntanja u il-Beatitudnijiet u kif dawn rrelatati mas-salib.
L-għolja fejn Ġesù għallem il-Beatitudnijiet u l-għolja tal-Kalvarju huma rrelatati ma’ xulxin u huma inseparabbli. Ġesù li tela’ jippriedka il-Beatitudnijiet fuq l-ewwel għolja, ma setagħx ma jitlagħx fuq it-tieni għolja biex jipprattika dak li ppriedka. L-eku tat-tagħlim ta’ Ġesù fuq il-muntanja, dwar kif il-bniedem jista’ jkun ferħan u mbierek, dewa bil-ħoss tal-imsiemer deħlin fil-ġisem qaddies Tiegħu. Il- Beatitudnijiet huma inseparabbli mill-mewt umiljanti tas-salib; huma tant il-bogħod minn dak li tħobb id-dinja, li d-dinja ssallab lil minn jipprova jgħixhom. Kulħadd jixtieq li jkun ferħan, imma il-mod ta’ Ġesù huwa oppost għall-ispirtu tad-dinja.
Ġesù jistmerr il-klixejiet ordinarji li fuqhom jinkitbu l-istejjer u jinħadmu il-films: il-fehma falza li l-ferħ jiddependi fuq affarijiet esterni għar-ruħ – bħan-nuqqas ta’ rażan. Ġesù jiddisprezzhom għaliex magħhom iġibu anzjetà, biża, tama falza, dwejjaq u mard mentali.
Fid-diskors tal-muntanja Ġesù juża żewġ espressjonijiet : ‘Smajtu’ u ‘Imma’. Ġesù jirreferi għal dak li smajna tul iż-żmien: regoli, preċetti u kodiċi li jaqgħu bejn stint u raġuni, bejn drawwiet u ideali. Għal dawn il-kompromessi, Ġesù jgħidilna ‘smajtu’, per eżempju “Smajtu xi ntqal… ‘La Toqtolx’. Mela jekk xi ħadd joqtol ikun ħaqqu l-kundanna. Imma jien ngħidilkom li l-kundanna tistħoq ukoll lil min jinkorla għal ħuħ.“ (Mat. 5: 21-22) Fl-Evanġelu ta’ Luqa nsibu wkoll l-erba’ espressjonijiet “Ħażin għalikom” per eżempju “Ħażin għalikom meta kulħadd isemmikom fil-ġid. Għax l-istess għamlu missirijiethom lill-profeti foloz!” (Luq 6:26) Meta Ġesù jgħid “Ħażin għalikom” lill-għonja, l-imxebbgħin, lil min jidħak u lill ammirati, qed jikkundanna ’l-etika’ popolari. Għal dan iħallas billi jmut fqir, abbandonat, u mistmerr minn niesu stess.
Ġesù jafferma li d-dnub jibda fir-rieda u jiġi trasmess lill-ġisem, u minn hemm jilħaq ir-ruħ. Għalhekk jgħid ‘U jekk idejk il-leminija hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra u armiha ‘l bogħod minnek.” (Mat 5:30) Kif il-kirurgu jaqta’ drigħ jew riġel biex isalva ġisem mill-kankrena jew mill-ivvelenar, hekk ukoll Ġesù jgħidilna biex inwarrbu minn qalbna ġibdiet, xewqat u passjonijiet ħżina biex ma nitbiegħdux mill-inħabba t’Alla.
Ġesù jgħallimna li m’ għandniex inpattu, nobgħodu jew nużaw vjolenza biex ma nkabbrux il-problema, imma f’ġieħ is-Salvatur tagħna nassorbixxu il-ħażin kif għamel Hu, li miet biex jieħu fuqu d-dnub tagħna. “Smajtu xi ntqal, ‘Għajn b’għajn u sinna b’sinna’. Imma jiena ngħidilkhom biex bniedem ħażin ma tiqfulux;” (Mat 5: 38-39) Hekk l-avversarju jintrebaħ bla reżistenza, imma bl-għajnuna ta’ Ġesù u b’qawwa morali superjuri. Il-liġi u l-virtù Kristjana jitlobu li l-innoċenti jbagħtu għall-ħatja.
Il-Beatitudnijiet mhumiex ideal, imma fatti ibsien u realtajiet inseparabbli mis-Salib. Il-ġustizja, il-verità u l-imħabba t’Alla jitolbu l-mewt tal-bniedem il-qadim tal-egoiżmu tagħna. Ġesù jitlobna ninxteħtu fuq is-salib taċ-ċaħda tagħna nfusna – l-istess salib li ħaddan Hu.
Paċi u Ġid
Brigitte Attard, OFS
0 Comments