Kien sbieħ-il jum fil-Ġnien ta’ Eden. Ir-raġġi b’subajgħom twal roża jdawwlu kullimkien. Il-qtar tan-nida fuq il-weraq jsiru ġawhar. Atmosfera ta’ ferħ kullimkien; tara ż-żagħar tal-iljun jilagħbu mal-ħaruf; il-lupu jilgħab mal-gidi; il-leoparda titmelles mal-mogħoża; il-baqra tredda ż-żagħar tal-iljun; l-agħsafar ibejtu liċ-ċkejknin tagħhom fil-bejtit tas-sriep. Kulħadd paċi ma’ kulħadd. Tassew Ġenna tal-art. Din kienet ix-xena ta’ kuljum, għax kienet qed tindaqq ‘Sinfonija tal-Paċi’. Ix-xitan għajjur, kellem lil Eva u fesfsilha gidba, qalilha li jistgħu isiru bħal Alla. Eva, flimkien ma’ Adam waqgħu, għax emmnu lix-xitan, li kien moħbi taħt forma ta’ serp. Mal-waqgħa ta’ Adam u Eva, fis-‘Sinfonija tal-Paċi’ li kienet qed tindaqq, saret stunatura kbira. Nota żbaljata waqgħet u ħarġet mir-rittmu, u ħarġet minn postha. Din in-nota baqgħet tiġri tul iż-żminijiet twal fl-atmosfera, tfittex postha … iżda qatt ma sabet la postha u lanqas il-paċi.
Kellha tkun tfajla ta’ xi ħmistax jew sittax-il sena, minn raħal ċkejken u mwarrab li aċċettat li ssalva dik in-nota żgarratha. Fuq din l-istess nota, bħala l-ewwel nota, aċċettat li tibni sinfonija ġdida, is-‘Sinfonija tal-Imħabba’. Kienet tindaqq u għadha tindaqq sallum. U tibqa’ tindaqq.
Hekk seħħet il-ġrajja. Din it-tfajla kienet miġbura titlob. Kienet tħobb ħafna ‘l Alla, tant li offriet lilha nfisha ‘l Alla u wegħdet li tibqa’ verġni. Kienet taf li l-Messija kellu jitwieled minn verġni, iżda hi qatt ma ħassitha denja li tkun omm il-Messija. Iżda xorta waħda għamlet il-vot tal-kastita biex ifittex jasal il-Messija. Dehrilha Anġlu tal-Mulej, hu sellmilha. Iżda kif inhi din li Anġlu tal-Mulej jinżel isellem lil tfajla sempliċi ġewwa raħal imwarrab u minsi? Mur għidilha ‘l din it-tfajla, li kien jisimha Myriam, li xi darba kellha tkun mgħollijha għall-ġieħ kbir, u msejjħa ‘Reġina tal-Anġli’. Hu sellmilha: “Is-sliem għalik, mimlija bil-grazzja”. Bl-Aramajk tiġi ‘Shalom’ li tfisser ‘Ifraħ’ jew ‘Mimlija bil-paċi’. ‘Mimlija bil-grazzja’, espressjoni rari bil-Grieg tfisser ‘tant grazzjuża’ jew ‘mimlija virtujiet’. Fi ftit kliem l-Ambaxxatur t’Alla qed jgħidilha kemm Hu kuntent biha Alla.
Meta żaret lill-kuġinitha Eliżabetta qalet: ‘Kif inhi din li omm il-Mulej tiġi żżurni.’ Myriam ukoll staqsiet: ‘Għaliex l-Anġlu tal-Mulej ġie għandi?’ It-tweġibha għal Myriam kienet f’Iżaija: ‘Verġni titqal u twelled tarbija u Ismu jkun Immanu-el. ‘ (7:14). Mhux kif għamel ix-xitan lil Eva, fesfsilha gidba. Sempliċi kemm kienet sempliċi, Myriam forsi ma kellhiex skola u tagħlim, forsi kienet fqajra, bla mportanza ta’ xejn. Iżda kellha l-aktar ħaġa li Alla jfittex fina l-bnedmin, kienet umli. Alla ma għażilx lil Myriam għax kienet verġni biss iżda għax kienet UMLI. U kull min hu umli qed jieħu sehem biex tindaqq dik is-‘Sinfonija tal-Imħabba’, li qed tmexxi l-orkestra Myriam ta’ Nażaret. Aħna, l-aħwa tal-Ordni Franġiskan Sekular, irċevejna grazzja speċjali minn għand Alla. L-Ispirtu nebbaħna u ġibidna lejn din l-Ordni biex nimitaw ‘l Missierna Franġisku, jekk mhux f’kollox, iżda fl-umilta kbira li kellu.
Qabel il-‘waqgħa’, il-mara ħarġet mir-raġel, issa ir-raġel ħareġ mill-mara, fl-estasi u bil-ħidma tal-iSpirtu s-Santu. Toqgħod taħseb kienet mara li qed iġġorr id-Divin u wellditu. L-istess tagħmel kull omm li twelled tarbija fid-dinja, għax ir-ruħ tat-tarbija huwa n-nifs ta’ Alla. Bħalma jagħmel kull Saċerdot fil-Konsagrazzjoni, jagħmel preżenti ‘l Alla fuq l-artal, l-istess tagħmel kull omm li twelled tarbija. Aktar ma’ omm tkun twajba, aktar tkun denja li tissejjaħ mara. Għalhekk Kristu fl-agunija sejjaħ lil Ommu ‘Mara’ … meta welldet lil Ġwanni.
Tony Mahoney ofs
0 Comments