KELLHA RAĠUN OMMOK, MARIJA.

Qed nikteb f’inżul ix-xemx, meta l-għabex ta’ filgħaxija, bi’ swaba twal qed iwarrab il-ftit ħmura li għad fadal, ta’ nżul ix-xemx mis-sema, u jifrex il-mant sewdieni tal-lejl. B’hekk jibdew jidhru aktar il-kwiekeb fiddiena, il-messaġġiera tal-lejl. Sadattant qed nisma’ mużika msejjħa “Nocturne” ta’ Chopin. Daqq fuq il-pjanu li ħalla warajh l-ghażiż ibni Kevin, u naħseb ħsibijiet ta’ mħabba dwar ommi Marija.

Moħħi mar lura elfejn sena ilu u mmaġinajt raħal sieket ġewwa Nazzaret li kien sejjer jorqod, tieqa wara tieqa. Xrift lejn waħda mit-twieqi u rajt lil waħda xwejjħa, jisimha Anna qed tħares lejn tarbija rieqda. Anna qalet lil żewġha: “Ġwakkin, ejja ara xi ħlew bintna Marija rieqda, x’anġlu tas-sema għandna. Ikun imbierek Alla.” Ġwakkin resaq, ma qal xejn, iżda demgħa waqgħet minn ghajnejh.

Kemm kellha raġun ommok, Anna.
Alla afdalhom f’idejhom l-akbar kapolavur Tiegħu.
Alla ħalaq il-warda, fjura sabiħa li ġġenek bil-fwieħa u l-kuluri.
Alla ħalaq il-ġilju, simbolu tas-safa, abjad pur.
Alla ħalaq il-qamħa tiżfen ferħana mar-riħ żifna dehebija.
Alla ħalaq in-nixxiegħa, friska, nadifa taqbeż qalb il-blat u ttaffi l-għatx tal-bniedem.              
Alla ħalaq il-muntanja majestuża miksija b’mant abjad tas-silġ.
Alla ħalaq l-imħabba tenera u safja bejn l-omm u l-ulied.

Alla, permezz tal-bniedem, ħalaq il-mużika, li sserraħ il-qalb muġugħha.                     

Alla ħalaq dak kollu li hu sabiħ u tajjeb, u bierku.

Alla waqaf u ħares lejn dak kollu li kien imbierek. Imbagħad Alla qal: “Minn din is-sbuħija u l-imħabba, issa noħloq lilek, Marija, tkun Tiegħi, tkun ommi l-maħbuba u nżejjnik b’kull grazzja.”

U Marija twieldet, mimlija bil-grazzja, imbierka fost in-nisa, mingħajr tebgħa, mimlija mħabba, u kull nisel isejjħilha ħienja.  Altru li kellha raġun, ommok Anna.  Għaddew is-snin, meta ommok u missierek kienu mitlufin jitgħaxxqu bil-ħlewwa tiegħek, rieqda f’daqxejn ta’ nieqa.  Kellhom għalfejn  jirringrazzjaw ‘l Alla.

Iżda jien ukoll irrid nirringrazja ‘l Alla għax tani bħala ommi lilek, Marija, omm sabiħa, twajba, liebsa bix-xemx, li tagħtini dak li hu tajjeb u li tixtieq qalbi, qabel biss ma nlissen ix-xewqa. Nistqarr li għandi ġenn li ma ndumx ma niltaqa’ miegħek u narak wiċċ’imbwiċċ biex ingawdik għall-eternita. Grazzi MA.

Tony Mahoney ofs.