Ħuti Franġiskani,

Għadna kif bdejna sena ġdida u għalkemm għadna inbgħatu mill-pandemija tal-Covid 19 nisperaw li din is-sena noħorġu minnha għal kollox. Bħala Kalendarju tal-Knisja żgur li bdejna s-sena ġdida fuq nota mill-isbaħ; jum iddedikat lill-Imqaddsa Marija Omm Alla. Kienu ħafna l-insara li s-sena li għaddiet daharu lejn Marija aktar b’ħeġġa biex tkun hi li tidħol bħala medjatrici għalina quddiem Binha biex jipproteġina minn dan il-virus qerriedi.

Nissuġerixxi li dan il-jum iddedikat lill-Imqaddsa Marija Omm Alla jibqa’ fi ħsiebna kuljum matul is-sena; ma ninsewx li Marija mhix biss Omm Alla iżda hija wkoll l-Omm tagħna. Marija ġiet fil-ħsieb tal-Mulej mhux meta twieldet, l-anqas meta Ġwakkin u Anna bħala ġenituri tagħha ppreżentawha fit-tempju u ikkonsagrawha lil Alla; l-anqas fit-tħabbira tal-Anġlu Gabriel u lanqas meta Eliżabetta laqgħet lil Marija bl-esklamazzjoni “U minn fejn ġieni dan li omm Sid tiġi għandi? (Lq 1, 43). Il-Mulej Alla ħaseb f’ Marija wisq qabel. Kien fill- waqgħa tal-bniedem meta fil-ġnien tal-Eden, lis-serp qallu; “Jien inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-mara, bejn nislek u bejn nisilha” (Ġen. 3, 15)

Il-Bibja tixhed li Marija kellha u għad għandha rwol ewlieni u ċentrali fil-Pjan tal-Fidwa tal-Bniedem, kif kien ġie mfassal mill-Mulej Alla innifsu. Infatti San Pawl jiġbor dan il-pjan fi ftit kliem fejn jgħid: “Meta waslet il-milja taż-żminijiet, Alla bagħat lil Ibnu mwieled minn Mara”. Biex dan ir-rwol ta’ Marija fil-Fidwa tal-Bniedem jissaħaħ u jikber, Ġesu’ meta lemaħ lill-Ommu Marija taħt is-salib qalilha, “Mara Hawn hu ibnek” imbgħad qal lid-Dixxiplu, “hawn hi Ommok”. (Ġw 19. 26-27) Il-Verġni Mbierka laqgħet fis-skiet dan l-ogħla grad tal-maternita tal-Grazzji, li għaliha diġa’ kienet tat tweġiba tal-fidi, meta qalet “Iva” dakinhar tat-Tħabbira tal-Anġlu.
Hawn naraw x’saħħa għandha Marija fuq il-Qalb Ħanina ta’ Ġesu’ meta Hi mhux talli hija Ommna iżda medjatriċi tal-Grazzji kollha ukoll. Fil-Vanġelju insibu xhieda veru u qawwija ta’ medjazzjoni ta’ Marija. Fil-Ġrajja tat-Tieġ ta’ Kana insibu din is-sekwenza ta’ fatti. Waqt iċ-ċelebrazzjoni tat-tieġ, naqas l-inbid. Imħassba għall-aħħar dwar il-qagħda tal-għarajjes, Marija tmur tafda ma’ Binha din is-sitwazzjoni imbarazzanti: “M’għandhomx inbid!” Dik l-istqarrija kienet tesprimi xewqa, talba, interċessjoni, ħierġa mill-qalb ta’ OMM: “Ara x’tista’ tagħmel għall-għarajjes: eħlishom minn dan is-saram!”

Imma Ġesu’ wieġeb: “Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx!” Għal dan il-kliem ta’ Ġesu’, Marija ma waqfitx hemm iżda għarfet li kellha influenza fuq il-qalb ħelwa ta’ Ġesu u b’fiduċja sħiħa qalet lill-qaddejja: “Għamlu kulma jgħidilkom” (Ġw 2.5) L-fiduċja ta’ Marija, it-talba u l-interċessjoni materna tagħha ħarġu rebbiħin. Il-Mulej Ġesu’, laqa’ il-medjazzjoni ta’ Ommu b’risq l-għarajjes, tant li antiċipa is-siegħa tiegħu u għamel l-ewwel miraklu tiegħu. (Ġw. 2,11)

Ir-raġuni li nitolbu u nqimu lil Marija insibuha fl-istess Vanġeli. Naqraw f’San Luqa, li meta l-Anġlu Gabriel deher lil Marija, sellmilha bil-kelmiet magħrufin ’Sliema għalik, mimlija bil-grazzja; il-Mulej miegħek” (Lq 1,28-30).

Joe Gatt OFS