Fil-bidu, il-festi titulari kienu jsiru fuq skala żgħira meta l-kappillan, flimkien ma’ xi żewġ saċerdoti oħra, kienu jkantaw is-Salmi u lejliet u nhar il-festa, hekk kif ibexbex, kien jippresiedi f’quddiesa kantata bil-parteċipazzjoni ta’ żewġ kantanti, normalment tenur u baxx. Dan kollu seta jsir bis-saħħa ta’ xi benefattur.

Rita Vella BrincatMatul is-seklu sittax, il-festa kienet tkun strettament sagra u religjuża u kienet tispiċċa bit-tqassim tal-ħobż u nbid lill-foqra. Bis-saħħa ta’ l-iżvilupp ekonomiku fil-bidu tas-seklu sbatax, il-festa ċċelebrata fil-knisja saret akbar u aktar rikka. Iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa kienet estiża għal ħamest ijiem sħaħ, inkluż it-tridu, bħala preparazzjoni. Il-festa ta’ Santa Marija f’Għawdex kienet estiża għal ħmistax-il jum fejn kienu jsiru priedki ta’ kuljum u jitkantaw il-Vespri. L-akbar numru ta’ festi fejn is-smigħ tal-quddies u l-assenza mix-xogħol kienu obbligatorji kien fl-1620 meta Cagliares kien Isqof ta’ Malta. Imma dan in-numru beda jonqos gradwalment għax il-Knisja bdiet tinduna li dan in-numru hekk kbir ta’ festi ‘kmandati’ kienu qed joħolqu inkonvenjent kbir għall-poplu, l-aktar il-foqra, minħabba li kienu jispiċċaw mingħajr il-ħobżna ta’ kuljum.

L-akbar żvilupp fil-festi sar lejn l-aħħar tas-seklu sbatax, bl-introduzzjoni tal-purċissjoni. Biex din setgħet issir kien hemm bżonn ta’ statwa titulari. Waħda mill-ewwel statwi, u ċertament, waħda mill-aktar magħrufa, hija dik ta’ San Pawl tal-Belt Valletta li nħadmet fl-1659 mill-Malti Melchior Gafa’ (1635-1667). Il-festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl saret għall-ewwel darba fl-10 ta’ Frar 1693. Fl-1703 kienet saret festa obbligatorja għan-nies li kienu joqgħodu l-Belt biss, għall-Maltin kollha fl-1738 u għall-Għawdxin fl-1907. Għal ftit taż-żmien kienet issir ukoll il-festa tat-Tluq ta’ San Pawl minn Malta fis-27 ta’ Mejju.

Id-devozzjoni kbira lejn Santa Marija f’Għawdex kienet tiġbed ħafna pellegrini minn Malta sa mill-1598. Sa l-aħħar tas-seklu tmintax, il-purċissjoni li kienet takkumpanja l-istatwa titulari saret issir f’ħafna rħula oħra. Biex in-nies kienu jieħdu aktar pjaċir matul din il-festa esterna, l-orkestra żgħira li kienet tieħu ħsieb id-daqq fil-knisja kienet toħroġ fuq iz-zuntier tal-knisja wara l-funzjoni – dan kien il-bidu tal-festa esterna.

Il-festa reliġjuża tista’ titqies bħala waħda mill-aspetti tipiċi tas-soċjeta’ barokka fejn is-sagru (il-purċissjonijiet, id-devozzjonijiet, il-kant tas-Salmi u innijiet) u l-profan (l-ispettaklu, il-mużika u l-briju) tħalltu u taw sehemhom bis-sħiħ biex dan seta’ jirnexxi. Il-festa tal-patrun tal-parroċċa li ssir kull sena kienet tkun iċċelebrata b’liturġija elaborata, b’ħafna mużika u l-purċissjoni bl-istatwa titulari. Aktar ma’ kienet tkun solenni l-festa, il-mużika aktar kienet tkun importanti. Dan ġara bit-tixrid tal-mużika polifonika fi knejjes oħra minħabba li din it-tip ta’ mużika kienet tindaqq biss mill-‘Kappella Mużikali’ tal-Kattidral ta’ l-Imdina u l-‘Kappella Mużikali’ tal-Knisja Konventwali, jiġifieri il-Kon-Kattridal ta’ San Ġwann fil-Belt. Lejn l-aħħar tas-seklu sbatax u fil-bidu tas-seklu tmintax, il-festa kienet tkun iċċelebrata bil-kant tas-Salmi u wara dan, kienet issir iċ-ċelebrazzjoni
tal-quddiesa kantata. Hekk il-festa kien ikollha l-aħjar mużika.