‘Eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli wieħed għani jidħol fis-saltna ta’ Alla! Huma stagħġbu wisq aktar u bdew jgħidu wieħed lill-ieħor: ‘Mela min jista’ jsalva?’ (Mark 10:25-26)

Għandna tendenza li meta żaqqna tkun mimlija, bħal donnu ninsew li għandna bżonn lil Alla. Faċilment ninsew li ma kienx ikun mogħti lilna dan kollu kieku Alla ma provdihulniex għax l-iskrittura nfisha tgħidilna li hu Alla li jtella’ x-xemx u jibgħat ix-xita kemm fuq it-tajbin u anke fuq il-ħżiena. L-għani, f’din id-dinja, jaħseb li kapaċi jfendi waħdu u m’għandu bżonn lil ħadd lanqas lil Alla. Meta żagħżugħ għani staqsa lil Ġesù x’għandu jagħmel biex isalva, Ġesù qallu biex jobdi l-kmandamenti. Imma dan iż-żagħżugħ, mogħni u aljenat kif kien b’ġidu, lanqas biss għaraf il-qagħda midinba tiegħu hekk li stqarr li hu kien qed jobdi kull kmandament. Issa jekk xejn, diġà nafu li b’din l-istqarrija kien qed jikser il-kmandment “la tixhidx ħaġa b’oħra” għax mill-Iskrittura nafu li m’hemm ħadd tajjeb, lanqas biss wieħed! Ġesù malajr ġabu f’sensih hekk kif qallu biex ibiegħ kollox. Iż-żagħżugħ tbikkem għax kellu ħafna ġid materjali u ma riedx jitilfu. Għalhekk, huwa faċli li bniedem għani jintilef għax l-alla tiegħu jkunu l-flus. Min irid isalva jeħtieġlu jagħraf li hu midneb u fqajjar hekk li waħdu mhux kapaċi jmantni ħajtu. Irid jagħraf ukoll li għandu bżonn Salvatur u għalhekk idur għand Ġesù. Jeħtieġlu jemmen li Kristu hu l-Mulej li kapaċi jipprovdielu u jmantnieh b’Kelmtu waqt li jisqieh demm il-maħfra.