XI JFISSER TGHADDI MILL-BIEB TAL-HNIENA
Siltiet minn diskorsi tal-Papa

757083-400xNone…Dan is-sinjal kbir tal-ħajja Nisranija mbagħad jinbidel f’ħafna sinjali oħra li huma karatteristiċi tal-Ġublew. Qed jiġini f’moħħi kemm nies se jgħaddu minn xi wieħed mill-Bibien Imqaddsa, li f’din is-Sena huma veri Bibien tal-Ħniena.

…Il-Bieb juri lil Ġesù nnifsu li qal: “Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa” (Ġw 10:9). Li ngħaddu mill-Bieb Imqaddes hu s-sinjal tal-fiduċja tagħna fil-Mulej Ġesù li ma ġiex biex jagħmel ħaqq minna, imma biex isalvana (ara Ġw 12:47).

…Meta ngħaddu mill-Bieb Imqaddes, dan hu sinjal ta’ konverżjoni vera tal-qalb tagħna. Meta ngħaddu minn dak il-Bieb, tajjeb niftakru li rridu nżommu miftuħ beraħ il-bieb tal-qalb tagħna. Jien qiegħed quddiem il-Bieb Imqaddes u nitolbu: “Mulej, għinni niftaħ beraħ il-bieb tal-qalb tiegħi!”. Ma tantx tkun ħalliet frott is-Sena Mqaddsa jekk il-bieb tal-qalb tagħna ma jħallix lil Kristu jgħaddi, li qed jimbuttana biex noħorġu niltaqgħu ma’ l-oħrajn, biex inwasslulhom lilU u l-imħabba tiegħu. Mela, kif il-Bieb Imqaddes sa jibqa’ miftuħ, għax hu s-sinjal ta’ kif jilqa’ Alla lilna, hekk ukoll il-bieb tagħna, dak tal-qalb tagħna, għandu dejjem ikun miftuħ beraħ biex ma jeskludi lil ħadd. Lanqas lil dak jew lil dik li qed tagħtini fastidju: lil ħadd.

…Sinjal ieħor importanti tal-Ġublew hu l-Qrar. Li nersqu lejn is-Sagrament li bih niġu rrikonċiljati ma’ Alla jfisser li nagħmlu esperjenza diretta tal-ħniena tiegħu. Ifisser li nsibu lill-Missier li jaħfer: Alla kollox jaħfer. Alla jifhimna anki fil-limiti tagħna, jifhimna anki fil-kontradizzjonijiet tagħna. Mhux biss, bi mħabbtu Hu jgħidilna li propju meta nagħrfu d-dnubiet tagħna hu l-iktar qrib tagħna u jixprunana biex inħarsu ’l quddiem. Iktar minn hekk, jgħidilna li meta nagħrfu dnubietna u nitolbuh maħfra, fis-Sema ssir festa. Ġesù jagħmel festa: din hi l-ħniena tiegħU: ejjew ma naqtgħux qalbna. Nimxu ’l quddiem, b’dan nimxu ’l quddiem!

…Kemm drabi ġie min qalli: “Dun, m’hux jirnexxieli naħfer lill-ġar tiegħi, lil sieħbi fuq ix-xogħol, lill-ġâra, lill-kunjata, lill-mara ta’ ħija”. Kollha smajnieha din: “M’hux jirnexxieli naħfer”. Imma kif nistgħu nitolbu lil Alla jaħfrilna, jekk imbagħad aħna m’aħniex kapaċi naħfru? U li taħfer hi ħaġa kbira, imma xorta m’hix ħafifa, li naħfru, għax il-qalb tagħna hi fqira u bis-saħħa tagħha biss ma tistax taħfer. Imma jekk ninfetħu biex nilqgħu l-ħniena ta’ Alla għalina, imbagħad aħna wkoll insiru kapaċi naħfru. Ħafna drabi smajt lil min jgħid: “Għax lil dik il-persuna jien ma kontx nista’ naraha, ma kontx naħmilha: kont nobgħodha. Imma darba rsaqt f’riġlejn il-Mulej u tlabtU maħfra ta’ dnubieti, u ħfirt ukoll lil dik il-persuna”. Dawn ħwejjeġ ta’ kuljum. U għandna din il-possibbiltà qrib tagħna.

Mela, kuraġġ! Ejjew ngħixu l-Ġublew u nibdew b’dawn is-sinjali li jimplikaw qawwa kbira ta’ mħabba. Il-Mulej jimxi magħna biex iwassalna ħalli ngħixu sinjali oħra importanti għal ħajjitna. Kuraġġ u ejja nimxu!

…Hi xewqa kbira tiegħi li l-poplu Nisrani matul il-Ġublew jirrifletti fuq l-opri tal-ħniena korporali u spiritwali. Dan ikun mod kif nerġgħu nqajmu l-kuxjenza tagħna spiss rieqda quddiem it-traġedja tal-faqar u biex nidħlu dejjem iżjed fil-qalba tal-Vanġelu, fejn il-foqra huma l-ipprivileġġjati tal-ħniena divina. Il-predikazzjoni ta’ Ġesù tqegħdilna quddiem għajnejna dawn l-opri tal-ħniena biex nistgħu nifhmu jekk aħniex ngħixu jew le bħala dixxipli tiegħu.

Niskopru mill-ġdid l-opri tal-ħniena korporali:
nitimgħu lil min hu bil-ġuħ,
nisqu lil min hu bil-għatx,
illibbsu lil min hu għarwien,
nilqgħu lil min hu bla dar,
inżuru lill-marid,
inżuru lill-ħabsi,
nidfnu lill-mejtin.

U ma ninsewx l-opri tal-ħniena spiritwali:
nagħtu parir tajjeb lill-ħosbien,
ngħallmu lil min ma jafx,
inwiddbu lill-midneb,
infarrġu lill-imnikket,
naħfru l-ħtijiet,
nistabru b’min idejjaqna,
nitolbu ’l Alla għall-ħajjin u għall-mejtin.

…Il-Ġublew iġib miegħu wkoll l-għoti tal-indulġenza. Fis-Sena Mqaddsa tal-Ħniena din tikseb tifsira partikulari. Il-maħfra ta’ dnubietna minn Alla ma tafx b’limiti. …… Madankollu, aħna lkoll nagħmlu esperjenza tad-dnub. Nafu li aħna msejħin għall-perfezzjoni (ara Mt 5:48), imma nħossu jagħfas fuqna l-piż tad-dnub. Waqt li minn naħa nħossu l-qawwa tal-grazzja li tibdilna, inġarrbu wkoll il-qawwa tad-dnub li jikkundizzjonana. Minkejja l-maħfra, fil-ħajja tagħna nġorru magħna l-kontradizzjonijiet li huma l-konsegwenza tad-dnubiet tagħna. Fis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni Alla jaħfer id-dnubiet, li huma tassew imħassra; madankollu, tibqa’ l-marka negattiva li d-dnubiet ħallew fil-mod kif inġibu ruħna u naħsbu. Imma l-ħniena ta’ Alla hi aqwa minn dan ukoll. Hi ssir indulġenza tal-Missier li permezz tal-Għarusa ta’ Kristu jilħaq il-midneb maħfur u jeħilsu minn kull fdal tal-konsegwenza tad-dnub, u jagħmlu kapaċi jaġixxi bi mħabba, biex jikber fl-imħabba iktar milli jerġa’ jaqa’ fid-dnub.

X’hemm bżonn biex tinkiseb l-Indulġenza Plenarja?

• Pellegrinaġġ għal xi Bieb tal-Ħniena
• Tgħaddi minn xi Bieb tal-Ħniena
• Tistqarr il-Fidi -(Kredu)
• Titlob għall-intenzjonijiet tal-Papa
• Tirrifletti fuq il-Ħniena ta’ Alla waqt xi Tqarbina li tagħmel fi żmien 20 ġurnata qabel jew wara li tgħaddi mill-Bieb
• Qrara tajba fi żmien 20 ġurnata qabel jew wara li tgħaddi mill-Bieb.