TAJJEB LI TKUN TAF

Minn Tony Mahoney

Għaliex xi patrijiet u l-membri tal-Ordni Franġiskan Sekular jilbsu it-TAU, u TAU x’inhu?

-1

It-TAU huwa l-isem tal-aħħar ittra tal-Alfabett Ebrajk, u għandu forma tal-ittra T tal-alfabett Malti.

San Franġisk kien jagħmel is-sinjal tat-TAU f’kull kitba li kien jikteb, kien ipinġiha fuq l-ħitan u fuq kull bieb ta’ kull fejn kien ikun. Kien jużaha bħala l-firma tiegħu.

L-ewwel darba li ssemmiet it-Tau kien fil-kitba tal-Profeta Eżekjel, kapitlu 9, vers 4: “Għaddi min-nofs il-belt, minn nofs Ġerusalemm u ħażżeż għelm fuq moħħ l-irġiel li jibku u jitniehdu minħabba l-ħażen kollu li jsiru fiha.”

Fir-Raba’ Konċilju Lateran, li sar fil-11 ta’ Novembru, 1215, Papa Innoċenz għamel referenza għat-TAU  u kkwota l-vers ta’ Eżekjel meta rrifera għall-profanazzjoni tal-Postijiet Qaddisa fl-Art Imqaddsa mis-Saraċeni. Jaħsbu li San Franġisk kien preżenti  f’dan il-Konċilju, u sema’ l-kliem tal-Papa meta qal: “Il-forma tat-TAU għandha l-istess forma tas-Salib li fuqu kien imsallab Kristu fuq il-Kalvarju, u dawk biss li jkunu mmarkati b’dan s-sinjal, se jirċievu l-ħniena t’Alla; dawk li mmortifikaw lil ġisimhom u mxew fuq il-ħajja tas-Salvatur imsallab.”

Min dakinhar ‘l quddiem it-TAU sar is-sinjal, l-arma ta’ Franġisku.

San Bonaventura qal li s-simbolu tat-TAU kien meqjum minn Franġisku u kellu devozzzjoni kbira lejh. Kien ta’ spiss jitkellem dwaru u jirrakkomandah. Qabel ma jibda xi biċċa xogħol Franġisku kien jagħmel il-marka tat-TAU fuqu, bħalma aħna nroddu s-salib.

  1. Tumas minn Ċelano , storiku ieħor Franġiskan hekk kiteb: “Franġisku kien jippreferi it-TAU minn simboli oħra; kien jużah biex jiffirma l-ittri, u kien iħożżu fuq kull ħajt fejn kien ikun.”

Fil-magħrufa Barka ta’ Fra Leo, Franġisku kiteb fuq parċmina hekk:

“Ibierkek il-Mulej u jħarsek. Jurik is-sebħ ta’ wiċċu u jkollu ħniena minnek. Idawwar ħarstu lejk u jagħtik is-sliem. Fra Leone jalla l-Mulej ibierkek.”

Imbagħad Franġisku pinġa ras Fra Leo u fl-aħħar ħażżeż it-TAU fuq ir-ritratt.

Hija din id-devozzjoni lejn it-TAU li kellu Franġisku, ir-raġuni għaliex ħafna mill-Patrijiet jilbsu dan is-simbolu ma’ għonqhom.

Għall-Aħwa (ma jissejjħux membri) tal-Ordni Franġiskan Sekular, it-TAU huwa s-sinjal, is-simbolu tagħhom li jilbsuh regolari waqt il-Laqgħat, u hawn min jilbsu fuqu ta’ kuljum.